Wednesday, December 25, 2024

Kundanna dinjija ġustifikata lir-Russja…mument biex iċ-ċittadini Russi jqumu

Aqra wkoll

Fl-aħħar sigħat, rajna lir-Russja tkompli tispiċċa iżolata bl-invażjoni li qed twettaq fl-Ukrajna. L-attakki fuq bini residenzjali, il-qtil ta’ persuni fejn fi ftit jiem inqatlu aktar minn 2,000 persuna fosthom tfal. Persuni innoċenti li l-unika tort li għandhom għaliex spiċċaw inqatlu hu sempliċiment għax kienu fi djarhom jistkennu imma dawn ġew attakkati. Jew kienu f’karozzi u li spiċċaw fil-mira. 

Konsegwenza ta’ l-invażjoni Russa, ħafna nies spiċċaw bla saqaf fuq rashom. Oħrajn kellhom jaħarbu minn pajjiżhom u spiċċaw jgħixu ma’ qraba jew ħbieb f’pajjiżi ġirien. Hemm min spiċċaw jgħix f’żoni li twaqqfu appost biex jilqgħu lil dawn il-persuni maħrubin – ir-refuġjati l-ġodda ta’ żmienna. 

Din l-invażjoni Russa, li wasslet għal tant imwiet ta’ nies innoċenti, wasslet biex ir-Russja illum hi aktar u aktar iżolata minn qatt qabel. 

Biżżejjed wieħed jara l-vot li ttieħed fl-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti. 140 pajjiż ikkundannaw lir-Russja fuq din l-invażjoni. 140 pajjiż li ħadu id-deċiżjoni t-tajba inkluż pajjiżna. Din hi kundanna qawwija, li qed titlob  li r-Russja twaqqaf l-aggressjoni tagħha u toħroġ mit-territorju sovran tal-Ukrajna. Pajjiżna kien wieħed minn dawk li bla tlaqlieq ivvota ċar kontra l-aggressjoni Russa. 

Għalkemm din ir-riżoluzzjoni ma torbotx, din hi dikjarazzjoni li se tkun qed tpoġġi pressjoni kbira diplomatika fuq ir-Russja. 

Ovvjament, minn 193 pajjiż membri tan-Nazzjonijiet Uniti kien hemm ammont ta’ pajjiżi li astjenew waqt li ħames pajjiżi li huma l-Eritrea, il-Belarus, il-Korea ta’ Fuq, is-Sirja u l-istess Russja ivvutaw kontra l-istess riżoluzzjoni. M’hemm ebda dubju li m’hemm bżonn ebda kumment dwar minn huma dawk li ivvota mar-Russja u xi kredibilità għandhom.

Prattikament li għamel Putin b’din il-gwerra hu li qed li jiżola aktar lil pajjiżu. Bl-azzjoni li qed twettaq ir-Russja, ikun x’ ikun l-eżitu ta’ dan il-kunflitt, hi waħidha. Imwarrba minn kumpaniji kbar. Imwarrba mill-pajjiżi dinjin u bi. stmerrija minn maġġoranza kbira taċ-ċittadini madwar id-dinja li mhux jaqblu ma’ dak li qed twettaq.

Wieħed irid jirrimarka li dak li qed iseħħ fl-Ukrajna hu sintomu ta’ probemi li ilhom għaddejjin. Problemi li mhux dejjem inqalgħu mir-Russja. Dan iżda ma jiġġustifikax li għandha ssir gwerra jew invażjoni. M’hemm ebda ġustifikazzjoni għal atti li qed isiru. Il-ħajjiet li qed jintilfu huma responsabbli għalihom min qed iwettaq l-aggressjoni, jiġifieri ir-Russja. 

Nemmnu li l-attakk fuq żoni residenzjali u l-qtil ta’ ċittadini innoċenti mhu xejn għajr krimini tal-gwerra li għandhom ikunu investigati. Nemmnu li s-souzzjoni jinstabu madwar il-mejda u bid-diplomazija. Il-gwerra ma ssolvi l-ebda kwistjonijiet, u kull ma tagħmel hu biss li toħloq aktar telliefa. 

Nemmnu li din il-kundanna dinjija Russa, għandha tiftaħ għajnejn liċ-ċittadini Russu. Nemmnu li dawn, kif diħa għamlu għandhom juru l-oppożizzjoni tagħhom kontra din il-gwerra.  Oppożizzjoni li għandha ssir b’manifestazzjonijiet fit-toroq u protesti kontra l-qtil ikkawżat minn din l-invażjoni. Nemmnu li l-poplu Russu għandu jmur aktar min hekk.  Nemmnu li dan hu mument li fih iċ-ċittadini Russi għandhom jiffaċċjaw lill-gvern tagħhom biex mhux biss tirrenja l-paċi, imma anke huma finalment  jingħataw il-libertajiet u d-drittijiet li għandhom iċ-ċittadini Ewropej.  

Ekonomija

Sport