Hekk kif bħalissa il-bastiment Sea Watch 4 għadu qed jinżamm fil-port ta’ Palermo u ma jistax ibaħħar biex iwettaq missjonijiet ta’ salvataġġ f’nofs il-Mediterran, il-bastiment Open Arms jinsab fil-Port il-Barċellona. Il-bastiment bħalissa qed ikun preparat mill-ġdid biex ikun jista’ jbaħħar fil-Mediterran u jsalva l-ħajjiet ta’ dawk li jkunu qed jagħmlu l-vjaġġi ta’ tama għal ħajja aħjar. Il-bastiment se jkun qed jibdel l-ekwipaġġ u hu mistenni li jkun fil-Mediterran fi żmien qasir. Dan il-bastiment kien salva 276 persuna u għamel ġimgħat fi kwarantina, f’dak li ġie deskritt minn dawk abbord bħala ‘żmien diffiċli’.
Fl-aħħar sigħat il-kwistjoni tal-bastimenti li jsalvaw lil dawk li jkunu qed jagħmlu vjaġġi għal tama ta’ ħajja aħjar, kellha żvolta ġdida u dan hekk kif esperta fid-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti ikkundannat il-kriminalizazzjoni ta’ 11-il-persuna, sempliċiment għax kienu qed isalvaw l-immigranti fil-Mediterran. Hi qalet li dan mhux talli m’għandhomx jiġu kkundannati talli għandhom jiġu mfaħħrin għal dak li qed jagħmlu.
Mary Lawlor, ir-Rapporteur Speċjali għad-Drittijiet Umani tan-Nazzjonijiet Uniti, f’komunikat li ħarġet tkellmet dwar ċar dwar il-każ tal-kaptan Carola Rackete, il-kaptan ta’ Sea Watch 3 li kontriha kienu ttieħdu passi kriminali. Apparti hi, kienu ttieħdu passi ukoll kontra 10 membri tal-ekwipaġġ ta’ IUVENTA. Hi qalet b’mod ċar li “dawn mhumiex kriminali imma huma neis li qed jiddefendu id-drittijiet umani’.
Ir-Rapporteur Speċjali saħqet li “jiddispjaċini li l-proċeduri kriminali kontrihom għadhom xorta waħda miftuħin. Dawn xorta waħda qed jiffaċċaw l-istigma b’konnessjoni max-xogħol tagħhom biex isalvaw il-ħajjiet f’nofs il-Mediterran”.
Irid jingħad li kien f’Settembru tas-sena 2016 meta infetħet investigazzjoni kontra l-ekwipaġġ ta’ IUVENTA. L-akkużi kienu qed iġorru magħhom jekk jinstabu ħatja piena ta’ priġunerija ta’ bejn 5 u 20 sena u multa ta’ €15,000.
Kien f’Ġunju tas-sena 2019 meta tressqu proċeduri legali biex il-każ kriminali ma jitkompliex. Id-deċiżjoni dwar dan imma għadha pendenti.
Minn naħa tagħha, il-kaptan Rackete kienet arrestata mill-awtoritajiet Taljani fid-29 ta’ Ġunju tas-sena li għaddiet. Hi ġiet arrestata wara li daħlet f’port mingħajr awtoritazzjoni b’53 immigrant. Fil-bidu ta’ din is-sena, il-Qorti Suprema Taljana iddikjarat li din qatt ma messha ġiet arrestata. Minkejja dan imma Rackete għadha qed tiffaċċja akkużi li jekk tinstab ħatja tista’ teħel sa massimu ta’ 20 sena ħabs u multi li jlaħħqu sa €50,000.
Bi statistika pubblikata li turi li sa mis-sena 2014 fil-Mediterran mietu xejn inqas minn 16,000 persuna mgħarrqin, Lawlor iddikjarat li “l-gvern Taljan għandu pubblikament jirrikonoxxi l-importanza tar-rwol li għandhom dawk li qed jiddefendu id-drittijiet umani billi jsalvaw l-immigranti li jirriskjaw ħajjithom fil-Mediterran. Il-Gvern għandu jwaqqaf il-kriminalizazzjoni ta’ dawn il-persuna”, iddikjarat Lawlor.