Tuesday, January 7, 2025

Kundanna għall-PN li pprova jdawwar il-kwistjoni tal-Orkestra f’ballun politiku

Aqra wkoll

B’referenza għall-istqarrija tal-Oppożizzjoni dwar il-każ marbut mal-persuna li rriżenjat mill-Orkestra Nazzjonali wara każ ta’ fastidju sesswali, il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u Gvern Lokali kkundanna l-fatt li l-Oppożizzjoni għażlet li tipprova ddawwar dan il-każ f’ballun politiku.

L-istqarrija tkompli li m’hemmx lok ta’ partiġġjaniżmu politiku meta fin-nofs hemm kwistjonijiet marbuta ma’ fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol.

Il-Ministeru kompla biex jgħid li l-Oppożizzjoni trid tiddeċiedi x’linja trid taqbad.  Ma tistax f’linja waħda tgħid, kif kienet qed tgħid sa ftit jiem ilu, li “hemm impunità” u “li wieħed jgħatti lill-ieħor” u mbagħad għax jitressqu persuni l-Qorti ddawwar id-diska u f’daqqa waħda tgħid li l-Ministeru naqas milli jaġixxi qabel.

Il-Ministeru sostna jgħid li f’dan il-każ ittieħdu l-passi kollha li hemm bżonn minnufih u b’mod spedit u ġew imwieġba d-domandi kollha bl-iktar mod miftuħ u trasparenti li tressqu mill-mezzi kollha tax-xandir, mingħajr distinzjoni.

“L-istituzzjonijiet ħadmu u taw ir-riżultati, kif għamel il-Gvern. Il-Gvern se jkompli jaħdem biex isaħħaħ il-ħidma fis-setturi kulturali għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi kollu”, tenniet tgħid l-istqarrija.

Intant fi stqarrija maħruġa aktar kmieni mill-Partit Nazzjonalista ntqal li l-pożizzjoni tal-Ministru Owen Bonnici m’għadhiex tenibbli minħabba dak li seħħ fl-Orkestra Nazzjonali taħt it-tmexxija politika tiegħu.

Il-Partit Nazzjonalista sostna li l-Ministru Owen Bonnici jrid iġorr ir-responsabbilità politika u jirriżenja.

Ekonomija

Sport