Saturday, November 23, 2024

Kundanni internazzjonali għal Iżrael li pprojbixxa l-operat tal-UNRWA

Aqra wkoll

Minkejja l-kundanni u l-oppożizzjoni internazzjonali mifruxa, il-parlament ta’ Iżrael (Knesset) approva b’mod assolut żewġ liġijiet li essenzjalment iwaqqfu lill-Aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Għajnuna u x-Xogħlijiet għar-Refuġjati tal-Palestina (UNRWA) milli topera fl-Iżrael u f’Ġrusalemm tal-Lvant u jrażżnu serjament il-kapaċità tagħha li taħdem fix-Xatt tal-Punent u Gaża.

L-UNRWA hija l-akbar aġenzija tan-NU, li għandha rwol vitali fit-tqassim tal-għajnuna u t-tmexxija ta xelters fi żmien ta’ gwerra. Hija wkoll l-organizzazzjoni ewlenija li taħdem fuq il-post f’Gaża.

Iżrael ilu oġġezzjona għaliha għal għexieren ta’ snin, għalkemm l-oppożizzjoni tiegħu intensifikat fl-aħħar snin. Iż-żewġ liġijiet approvat mill-Knesset huma meqjusa li mhux biss jiksru ċ-Charter tan-Nazzjonijiet Uniti imma wkoll imorru kontra l-obbligi ta’ Iżrael taħt il-liġi internazzjonali.

L-Unrwa tinsisti li hija imparzjali iżda Uffiċjali Iżraeljani jakkużawha li hija kompliċi mal-Ħamas u jikkwotaw l-involviment ta’ ftit uħud mill-eluf ta’ ħaddiema tagħha fl-attakki tas-7 ta’ Ottubru.

L-Iżrael ilu joġġezzjona għal Unrwa, u jargumenta li l-eżistenza tagħha tipperpetwa l-istatus ta’ miljuni ta’ Palestinjani bħala refuġjati li d-destin tagħhom jibqa’ kwistjoni ewlenija fil-kunflitt Palestinjan ta’ Iżrael li ilu għal għexieren ta’ snin.

Il-Kummissarju Ġnerali tal-Unrwa Philippe Lazzarini ikkundanna l-projbizzjoni tal-Iżrael fuq l-organizzazzjoni bħala “bla preċedent” u qal li n-nies f’Gaża kienu diġà għaddew “infern sħiħ” u l-vot tal-Knesset se jċaħħad ‘l fuq minn 650,000 tifla u tifel mill-edukazzjoni, u jpoġġi f’riskju ġenerazzjoni sħiħa ta’ tfal.

Lazzarini sostna li l-aħħar deċiżjoni kienet parti minn kampanja li għaddejja biex tiskredita lill-organizzazzjoni u tiddelegittimizza r-rwol tagħha biex tipprovdi assistenza u servizzi għall-iżvilupp uman lir-refuġjati Palestinjani.

Sadanittant ħafna mill-pajjiżi tal-punent esprimew tħassib serju wara d-deċiżjoni tal-Iżrael.

Id-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti qal li Unrwa kellha rwol kritiku fit-tqassim tal-għajnuna umanitarja fil-Medda ta’ Gaża, u li m’hemm ħadd li jista’ jissostitwixxiha bħalissa f’nofs il-kriżi.

Il-PM tar-Renju Unit Keir Starmer qal li huwa mħasseb ħafna, u li l-liġi tirriskja li tagħmel ix-xogħol essenzjali ta’ Unrwa għall-Palestinjani impossibbli, u tipperikola r-rispons umanitarju internazzjonali kollu f’Gaża.

Il-Kummissarju tal-Ġrmanja għall-politika tad-drittijiet tal-bniedem u l-assistenza umanitarja, Luise Amtsberg, wissiet li din il-mossa tagħmel effettivament il-ħidma ta Unrwa f’Gaża, ix-Xatt tal-Punent u Ġrusalemm tal-Lvant impossibbli u tipperikola l-għajnuna umanitarja vitali għal miljuni ta’ nies.

Il-Belġju qal li “jiddispjaċih ħafna” għal-leġiżlazzjoni l-ġdida. Il-gvernijiet tas-Slovenja, l-Irlanda, Spanja, u n-Norveġja ħarġu stqarrija konġunta li tikkundanna l-projbizzjoni ta’ Iżrael u wissew li l-projbizzjoni stabbilixxiet preċedent serju ħafna għall-ħidma tan-NU u l-organizzazzjonijiet kollha tas-sistema multilaterali.

Is-Segretarju Ġnerali tan-NU António Guterres wissa dwar konsegwenzi devastanti jekk il-liġijiet jiġu implimentati u qal li jkunu detrimentali għar-riżoluzzjoni tal-kunflitt Iżraeljan-Palestinjan u għall-paċi u s-sigurtà fir-reġjun kollu kemm hu.

Iż-żewġ liġijiet li parlament ta’ Iżrael ivvota dwarhom nhar it-Tnejn jinkludi l-projbizzjoni ta’ kuntatt bejn l-impjegati tal-Unrwa u l-uffiċjali Iżraeljani, li l-ħaddiema tal-Unrwa ma jibqax ikollhom immunità legali fil-Iżrael, u l-għeluq tal-kwartieri ġenerali tal-aġenzija f’Ġrusalemm tal-Lvant.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport