Waħda mill-professjonijiet indispensabbli għall-komunità hija bla dubju dik tal-infermiera, li ta’ kuljum jaraw sitwazzjonijiet li jvarjaw minn dawk li għalihom jiġu mitluba jassistu regolarment sa oħrajn fejn it-tensjoni teskala minħabba ċirkostanzi ta’ ħajja jew mewt li kollox jibbaża fuq ir-rispons immedjat li huma jagħtu.
Hija din l-istess professjoni li ftit snin ilu baqgħet issofri fl-aktar mumenti diffiċli li pajjiżna flimkien ma’ pajjiżi oħra kellu jaffaċċja minħabba pandemija li ħakmitna għall-għarrieda. Huma kienu fost il-ftit gruppi ta’ ħaddiema li kellhom jibqgħu għaddejjin b’ħidma ma taqta’ xejn biex isalvaw il-ħajjiet ta’ dawk milquta mill-virus.
Tajjeb li nfakkru li f’dan il-perjodu kulħadd beda jara kif jagħmel biex jevita l-kuntatt minn ma’ xulxin b’mod speċjali dawk pożittivi għal dan il-virus. Dawn in-nies mhux talli m’għamlux hekk iżda kienu dawk li kellu jibqgħu f’kuntatt ma’ dawn il-pazjenti biex jaraw li kemm jista’ jkun ma jintilfux ħajjiet.
Minkejja din il-ħidma tant importanti, xorta għadek issib min jilmenta, forsi anke bi ftit raġun minħabba dewmien eżaġerat biex jiġi assistit, b’xi drabi dawn in-nies jispiċċaw soġġetti għal kritika li xejn ma tagħti ġieħ lil din il-professjoni.
Nemmnu illi dawn il-ħaddiema jixirqilhom ħafna aħjar u filwaqt li nikkundannaw lil dawk il-waħdiet li jistgħu jitfgħu dell ikrah fuq il-bqija tal-ħaddiema waqt il-qadi ta’ dmirijiethom, ta’ min jirrikonoxxihom fuq livell kollettiv u jingħataw kundizzjonijiet aħjar biex ikomplu jżidu l-impenn tagħhom fit-trattament tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.
Għalhekk, nesprimu sodisfazzjon għall-aħbar li ġie approvat il-ftehim settorjali ġdid għall-infermiera u l-qwiebel, b’vot b’saħħtu mill-ħaddiema, li se jagħti garanzija li dawn ikollhom l-aqwa pagi u kundizzjonijiet li qatt kellhom. Se jkunu qegħdin jiddaħħlu allowances ġodda filwaqt li jissaħħu dawk li diġà hemm.
Dan il-ftehim huwa turija oħra ta’ kemm dan il-Gvern jinsab impenjat li jkompli jtejjeb il-kundizzjonijiet ta’ dawn il-ħaddiema, bħalma huwa impenjat li jkompli jtejjeb il-kundizzjonijiet ta’ ħaddiema oħrajn.
Il-Gvern qiegħed ukoll jirrikonoxxi li din il-professjoni, bħal oħrajn fil-qasam tas-saħħa, hija vokazzjoni u wieħed fiha jidħol għall-imħabba li jkollu lejn in-nies. Iżda, fl-aħħar mill-aħħar, dak li jimmotiva lill-ħaddiema biex ikomplu jwettqu din il-ħidma b’tant dedikazzjoni huma kundizzjonijiet xierqa u tajba li bihom ikun jista’ jgħajjex lilu nnifsu l-familja tiegħu.