Tuesday, December 24, 2024

Kundizzjonijiet (Kważi) perfetti għal darb’ohra fit-tlielaq kostali tal-Kampjonati Ewropej tal-ORC

Aqra wkoll

Illum kienet ġurnata oħra kważi perfetta għat-tlielaq fir-Raba’ Jum tal-Kampjonat Ewropew ORC 2023, imtella’ mir-Royal Malta Yacht Club u Yachting Malta.

Sema blu, baħar ċatt u b’riħ ta’ bejn 8-12-il mil nawtiku fis-siegħa żammew it-tlielaq qrib fit-tliet klassijiet ta’ dan l-avveniment.

It-tiġrijiet fuq il-korsa tan-Nofsinhar għal Klassi B kienu spettakolari. Bejn il-kundizzjonijiet u ħames jottijiet Club Swan 42’s li jinsabu fil-quċċata tal-klassi tagħhom kabbru l-intensità kompetittiva li ma jinstabx fiż-żoni tal-korsa l-oħra.

Tant hu hekk li wara l-ewwel tiġrija llum, l-ewwel tliet timijiet kienu kollha ndaqs fil-punti globali.

Wieħed minnhom, KATARIINA II ta’ Aivar Tuulberg mill-Estonja, ma tantx kellu bidu tajjeb, izda fit-tmiem tal-ġurnata spiċċaw punt wieħed biss wara l-Grand Soleil 44 P WIND WHISPER 44 ta’ Marcin Sutkowski (POL), li rebħu l-ewwel żewġ tlielaq illum.

“Illum b’aktar riħ stajna niġġieldu b’mod aktar aggressiv,” qal Lorenzo Bodini tal-jott KATARIINA II. “L-ewwel tiġrija kienet interessanti għax in-naħa tal-lemin ħdejn ix-xatt kienet tiffavorina. Għalhekk, ħadna vantaġġ inizjali u bqajna mal-grupp biex nżommu dan il-vantaġġ sat-tmiem.”

Punt wieħed biss jifred WINDWHISPER 44, KATARIINA II u BE WILD ta’ Renzo Grottesi (ITA).

It-timijiet fil-Klassijiet A u Ċ ma kellhomx daqshekk xorti daqs il-Klassi B peress li l-korsa tagħhom kienet soġġetta għal instabbiltà sinifikanti fir-riħ. Wara li bdew fil-ħin, tnaqqis kbir fis-saħħa u bidla kbira ġiegħlu lill-kumitat tat-tellieqa jabbandunaw l-ewwel tiġrija u jmexxu ż-żona tal-korsa aktar lejn in-nofsinhar lejn fejn kienet qeda ttellaq il-flotta tal-Klassi B.

Madankollu kien hemm xi nies ġodda fl-ogħla gradi fiż-żewġ klassijiet fiż-żewġ tiġrijiet. It-tim ibbażat f’Malta ELUSIVE II, First 45 ta’ Aaron, Christoph u Maya Podesta, irnexxielhom l-aħjar tellieqa tagħhom s’issa bit-tieni post fl-ewwel tiġrija, b’marġni ta’ 6 sekondi biss qabel Claudio Terrieri (ITA ) u l-jott Swan 45 BLUE SKY, iżda waqaw fir-raba’ post fit-tieni tiġrija.

Iċ-Champion renjanti tad-Dinja ORC tal-Klassi A BEAU GESTE, TP 52 ta’ Karl Kwok (HKG), kiseb l-ewwel post fit-tlielaq kollha biex illum spiċċaw b’vantaġġ ta’ 6 punti fuq BLUE SKY.

Fi Klassi C qed iseħħ sitwazzjoni simili fejn tim ieħor,  iċ-Champion renjanti tad-Dinja tal-ORC –SUGAR 3 ta’ Ott Kikka– jinsab fuq quddiem b’7 punti. Iżda t-tiġrijiet huma stretti wkoll f’din il-klassi: fl-ewwel tiġrija, 30 sekonda biss isseparaw l-ewwel tliet pożizzjonijiet f’ħin korrett, fil waqt li l-ewwel ħames postijiet fit-tieni tiġrija kien hemm distakk ta 1.5 minuta biss.

It-tlielaq ikompli għada bit-Tiġrija Kostali ta’ 12-il siegħa, li bħat-tellieqa Long Offshore ma tistax tiġi eskluża mill-punteġġ final tas-serje. Din tfisser li din it-tellieqa hija importanti ħafna.

Il-Kampjonati Ewropej ORC 2023 qed jiġu appoġġjati minn Yachting Malta, Visit Malta, il-Kunsill Lokali Ta’ Xbiex, il-Kunsill Reġjonali tal-Lvant bħala parti mill-attivitajiet tiegħu għar-Reġjun Ewropew tal-Isport 2023 u Heineken.

Ekonomija

Sport