Monday, December 22, 2025

Kundizzjonijiet Varjabbli fit-Tieni Jum tal-MAPFRE Euromed International Regatta u l-Europa Cup

Aqra wkoll

Mellieħa, Malta – It-tieni jum tal-MAPFRE Euromed International Regatta u l-Europa Cup, li qed jiġu organiżżati mill-Malta Young Sailors Club (MYSC) f’Mellieħa, ippreżenta sfidi konsiderevoli għall-kompetituri hekk kif ir-riħ instabbli u kundizzjonijiet varjabbli iddominaw t-tlielaq fuq il-flotot kollha.

It-temp li kien influwenzat b’mod qawwi mis-sħab tax-xita, għamel il-ġestjoni tat-tlielaq u d-deċiżjonijiet fuq l-ilma partikolarment diffiċli. Bidliet frekwenti fir-riħ u varjazzjonijiet fil-pressjoni kienu preżenti tul il-ġurnata kollha, u poġġew għall-prova l-adattabilità, il-paċenzja u l-għarfien tattiku tal-parteċipanti.

Klassi Optimist

Il-flotta tal-Optimist, b’mod partikolari, iffaċċjat programm b’diversi general recalls li kkontribwew għal dewmien hekk kif il-flotta ppruvat tikseb tluq tajjeb taħt kundizzjonijiet diffiċli. Minkejja dawn l-interruzzjonijiet, it-tlielaq eventwalment tlestew.

Il-Klassi tal-Optimist Beginners kellha żewġ tlielaq, b’bidliet fil-quċċata tal-klassifika wara ġurnata kompetittiva. Liam John Gaskell (MLT) tal-Malta Young Sailors Club, li kien spiċċa fit-tieni post fl-ewwel ġurnata, tela’ fl-ewwel post. Lea Salikova (SUI) telgħat għat-tieni post minn ir-raba’ post, filwaqt li Thomas Zapucioiu (MLT) tal-MYSC niżel fit-tielet post.

Sadanittant, il-Klassi Optimist temmet tliet tlielaq, bil-quċċata tal-klassifika ddominata minn Mihael Zobec (SLO), Carl Bigersson (DEN) u Andrea Demurtas (ITA). It-tlieta waslu Mellieħa wara prestazzjonijiet b’saħħithom fil-Kampjonati Dinjija tal-Optimist 2025, fejn Bigersson spiċċa fit-tielet post, Zobec kiseb it-tieni post, u Demurtas spiċċa fit-13-il post. Mill-kontinġent Malti, Matthias Spiteri tal-Malta Young Sailors Club gawda ġirja pożittiva u temm il-ġurnata fil-ħames post, filwaqt li Ethan Kodjazliev tar-Royal Malta Yacht Club offra prestazzjoni notevoli billi rebaħ it-tieni tiġrija tal-ġurnata u spiċċa fis-sitt post.

Europa Cup / Klassijiet ILCA

Illum kien hemm tlett tlielaq għall-Klassijiet ILCA 4, ILCA 6 u ILCA 7.

Fil-ILCA 4, il-quċċata tal-klassifika kellha tibdiliet mill-ġdid, b’Tiago Cheng De Villemor Salgado (HKG) l-uniku partecipant li żamm postu mal-ewwel tlieta, u tela’ għall-ewwel post Warajh, mill-Malta Young Sailors Club kien hemm Thomas Wilson (MLT),  segwit minn Oleksandr Bolsunovskyi (CYP).

Il-Klassi ILCA 6 rat moviment fil-klassifika, għalkemm Carys Attwell (GBR) żammet l-ewwel post. Pietro Colazzo (ITA) tela’ għat-tieni post, filwaqt li Timmy Vassallo tal-Malta Young Sailors Club tela’ fit-tielet post, punt wieħed biss wara Colazzo.

Il-klassifika tal-ILCA 7 baqgħet l-istess, b’Fiachra McDonnell (IRL) ikompli jmexxi l-flotta b’vantaġġ ta’ żewġ punti. Hubert Roszyk (POL) u Jeremy Moutout (MON) jinsabu fuq l-istess punti fit-tieni u t-tielet post fi tmiem it-tieni jum.

Billi x-xita mistennija matul il-lejl, għada hija mistennija tippreżenta jum ieħor impenjattiv, b’riħ mil-lvant imbassar. It-tlielaq huma skedati li jibdew fil-11.00am.

Il-25 edizzjoni tal-MAPFRE Euromed International Regatta hija appoġġjata minn MAPFRE u VisitMalta, b’S&D Yachts / Rooster, F. Busuttil & Sons Marketing, u Victor Azzopardi Jewellers — il-Official Timekeeper tal-avveniment — ukoll jappoġġjaw ir-regatta. Appoġġ ieħor qed jiġi pprovdut mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa, il-Malta Sailing Federation, SportMalta u Yachting Malta.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport