Thursday, December 26, 2024

“Kunfidenti li r-rata ta’ inflazzjoni se tinżel għal 2%sa nofs is-sena d-dieħla”

….stennija minn ekonomisti biex jerġgħu jibdew jonqsu ir-rati ta’ interessi

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Hekk kif kollox qiegħed jindika li l-mewġa ta’ rata għolja ta’ inflazzjoni li ħakmet lil Ewropa u lid-dinja fl-aħħar sentejn tinsab fil-fażi finali tagħha, fost l-ekonomisti ewlenin il-mistoqsija li qiegħda ssir hi meta l-Bank Ċentrali Ewropew se jibda jara li jerġgħu jibdew jitnaqqsu ir-rati ta’ interessi, rappreżentant tal-istess Bank Ċentrali Ewropew fl-aħħar jiem ta’ spjegazzjonijiet ċari dwar dan.

Kien Piero Cipollone, wieħed mill-membri tal-Eżekuttiv tal-istess Bank Ċentrali Ewropew, li waqt li rrimarka li s-sitwazzjoni għadha mhiex stabbli daqs kemm wieħed jistenna, hemm kunfidenza li l-inflazzjoni se taqa’ lura għal livell ta’ 2 fil-mija są nofs is-sena 2025 u dan għax it-tkabbir fil-pagi se jimmodera. Qal li dan huwa importanti biex finalment jibdew jonqsu ir-rati ta’ interessi.

Kollox qiegħed jindika li l-ewwel tnaqqis fir-rati ta’ interessi mistenni jsir f’Ġunju li ġej.  Huwa qal li, “it-tkabbir fil-pagi u s-salarji jidher li se jkun qiegħed jimmodera għaż-żmien li ġej u dan hu konsistens  mal-miri ta’ inflazzjoni u ta’ tkabbir fil-produzzjoni li pproġetta l-istess Bank Ċentrali. 

Hu spjega li l-ħlas lill-impjegati f’pagi u benefiċċji għax-xogħol li jagħmlu  naqsu għal 4.6 fil-mija fit-raba’ kwart tas-sena li għaddiet. It-tnaqqis kien minn rata ta’ 5.1 fil-mija fit-tielet kwart tas-sena 2023. Dawn ir-rati kienu ferm aktar mir-rata ta’ 3 fil-mija, liema rata l-Bank Ċentrali Ewropew iqisha bħala li hi kompatibbli ma’ rata ta’ 2 fil-mija inflazzjoni.

F’diskors  li l-membru tal-Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew, Piero Cipollone għamel f’attività organizzata miċ-Ċentru għar-Riforma Ewropea, qal li f’dawn l-aħħar snin, l-ekonomija taż-żona tal-Ewro esperjenzat għadd ta’ xokkijiet kemm fid-domanda u anke fil-provvista. Dawn rriżultaw f’żieda fl-inflazzjoni, liema inflazzjoni baqgħet f’livelli għoljin b’mod persistenti.

Enfasizza li “minħabba d-dipendenza taż-Żona Ewro fuq l-importazzjoni milquta minn dawk ix-xokkijiet, iż-żona Ewro sofriet ukoll ix-xokk negattiv f’dak li hu l-kummerċ. Din spiċċat qisha taxxa esterna fuq id-dħul taż-żona tal-Ewro li, fil-prattika, kienet  assorbita fil-bidu l-aktar mill-ħaddiema fil-forma ta’ pagi reali aktar baxxi. Il-fatt li x-xokkijiet negattivi fuq il-provvisti treġġgħu lura u dan kien dovut anke minħabba l-politika monetarja restrittiva li adotta l-Bank Ċentrali Ewropew, wasslu għal tnaqqis fir-rata għolja ta’ inflazzjoni.”

Jisħaq li “d-deċiżjonijiet tagħna se jibqgħu ikunu ibbażata fuq l-informazzjoni marbuta mill-prospetti tal-inflazzjoni u r-riskji ta’ madwarha. Aspett importanti li jirrelata mar-riskju li jekk kun hemm tkabbir fil-pagi u fil-produttività jista’ dan ikun inkonsistenti mal-konverġenza tal-inflazzjoni biex nilħqu l-mira  li konna stabbilejna jiġifieri li r-rata ta’ inflazzjoni tkun ta’ madwar 2 fil-mija.”

Ikompli jgħid li “bla dubju f’xenarju ta’ stabbilità, hu meħtieġ li ż-żidiet fil-pagi ikunu f’konformità mat-tkabbir tal-produttività u l-mira tal-inflazzjoni. Dan iżomm pressjonijiet ta’ spejjeż mhux sostenibbli, li d-ditti finalment jispiċċaw jkollhom jgħaddu lill-klijenti tagħhom. Dan li jagħmel hu li jwassal għal inflazzjoni ogħla minn dak li kien ġie stabbilit li għandha tkun l-istess inflazzjoni.”

Jisħaq li “imma għadna m’aħniex fi stat stabbli.  Il-pagi reali fiż-żona Ewro għadhom taħt il-livell  ta’ qabel il-pandemija. Dan waqt li t-tkabbir tal-profitt kien għoli meta mqabbel mal-medja storika.” 

Ikompli jgħid li “l-profitti issa qed jinnormalizzaw. It-tneħħija kontinwa tax- xokkijiet negattivi fil-provvista joħolqu spazji addizzjonali għall-irkupru fil-pagi reali li ovvjament  jikkontribwixxi għall-irkupru ekonomiku. Dan iwassal għaż-żieda fil-konsum privat.”

Jiddikjara li “hekk kif it-tkabbir reali tal-pagi ma jistax jiġi sostnut maż-żmien jekk kontinwament jaqbeż it-tkabbir tal-produttività, it-tkabbir tal-produzzjoni u tal-produttività x’aktarx mhux se jinżammu għal tul ta’ żmien jekk il-pagi u d-domanda domestika jibqgħu batuti b’mod permanenti. Dan jista’ jwassal għal tnaqqis fl-użu ta’ riżorsi  bil-produzzjoni peventwalment ikollha titnaqqas biex tissodisfa it-tnaqqis fid-domanda”.

Għandna inkunu inkwetati  bi tkabbir fil-pagi?

Piero Cipollone, fid-diskors tiegħu jagħmel il-mistoqsija jekk għandniex inkunu inkwetati bi tkabbir fil-pagi. Jiddikjara li “waqt li x-xokkijiet tal-provvista qed ikomplu jonqsu, ir-realtà hi li l-ispejjeż marbutin max-xogħol qed jitfgħu pressjoni fuq l-inflazzjoni domestika.

Dan minnunfih joħloq tħassib ġdid u dan hu dak li dawn il-pressjonijiet ġodda jistgħu iwasslu biex jittawwal il-proċess biex l-inflazzoni tinġab għall-mira li kienet stabbilità. Dan it-tħassib ġej mill-osservazzjoni li t-tkabbir tal-pagi nominali riċentament qabeż ir-rata ta’ inflazzjoni li kienet ġiet stabbilità u anke it-tkabbir tal-produttività.”

Jisħaq li “dan irrifletta tnaqqis fil-produttività minħabba tkabbir ekonomiku mhux daqstant qawwi u dan kien aggravat minn deċiżjonijiet biex industriji u postijiet tax-xogħol iżommu l-ħaddiema. B’riżultat ta’ dan, l-ispejjeż tal-unità tax-xogħol qed jikbru b’mod sinifikanti ‘l fuq minn livelli li fi żminijiet normali nikkunsidraw bħala konsistenti mal-mira tal-inflazzjoni.”

Jisħaq li it-tħassib hu li dan jista’ jżomm l-inflazzjoni għolja jekk dawn l-ispejjeż jiġu mgħoddijin lill-konsumaturi – b’mod partikolari f’setturi bħas-servizzi, li jammontaw għall-akbar parti tal-ekonomija taż-żona tal-Ewro. Dan jista’ fl-aħħar mill-aħħar iwassal għal inflazzjoni li hija persistentement ogħla mill-mira li stabbilejna. It-tħassib dwar l-ispejjeż tax-xogħol jeħtieġ li jittieħed bis-serjetà, hemm raġunijiet biex isiru argumenti li l-ambjent ekonomiku attwali jippermetti rkupru fil-pagi reali fi żmien qasir li mhux se jqanqal l-inflazzjoni, sakemm iż-żidiet fil-pagi reali gradwalment jiġu konformi mat-tkabbir tal-produttività.”

Sostna li  “peress li sa tmiem is-sena 2023 il-pagi reali kienu għadhom taħt il-livell li kienu fih fi  tmiem is-sena 2019, u dan waqt li l-produttività kienet bejn wieħed u ieħor l-istess. Dan joħloq opportunità għal irkupru mhux inflazzjonarju fil-pagi reali. Il-fatt li xokkijiet fil-provvista tnaqqsu drastikament, dan jipprovdi spazju għal żieda mhux inflazzjonarja fil-pagi reali. 

Dan b’mod partikolari, it-tnaqqis sostanzjali fil-prezzijiet tal-enerġija. Hemm lok għal bilanċ mill-ġdid tal-ishma tal-pagi u l-profitti fil-valur miżjud. F’ambjent ta’ inflazzjoni għolja u volatili – fejn is-sinjali tal-prezzijiet isiru mċajprin u l-konsumaturi ma jistgħux jisseparaw faċilment iż-żidiet fil-prezzijiet li huma dovuti għal żidiet fl-ispejjeż minn dawk li jirriflettu s-saħħa tas-suq u strateġiji opportunistiċi – id-ditti setgħu jżidu l-prezzijiet tal-bejgħ, u jiżguraw marġni ta’ profitt ogħla.

Fi żmien meta t-termini tal-kummerċ taż-żona tal-Ewro ddeterjoraw, dan ħoloq opportunità biex issa jittaffa it-tkabbir qawwi li kien hemm fil-marġini ta profitti tal-kumpaniji. 

Inflazzjoni medja ta’ 2.3 fil-mija matul din is-sena…tinżel għal 2 fil-mija

Tenna li “bħala Bank Ċentrali mill-proġetazzjonijiet li qegħdin nistennew qegħdin naraw li l-inflazzjoni għandha tkun f’medja ta’ 2.3 mil-mija fis-sena 2024, 2.0 fil-mija fis-sena 2025 u 1.9 fil-mija fl-2026. Il-projezzjonijiet għall-inflazzjoni esklużi l-enerġija u l-ikel ġew ukoll riveduti ‘lisfel u l-medja ta’ 2.6 fil-mija għas-sena 2024, 2.1 fil-mija għas-sena 2025 u 2.06 fil-mija għas-sena 2026.

Fil-laqgħa tal-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew aktar kmieni dan ix-xahar, ġie deċiż li nistennew aktar informazzjoni, kemm fir-rigward tal-pagi u l-profitti – qabel ma nibdew in-normalizzazzjoni tar-rati tal-interessi sabiex ikollna aktar assigurazzjoni li l-inflazzjoni qed tikkonverġi lejn dak li kien stabbilit. L-inflazzjoni qed tonqos, u l-irkupru minn perijodu fit-tul ta’ staġnar qiegħed fil-qrib.  Meta inkunu konvinti  li tnaqqis fir-rata ta’ inflazzjoni hu wieħed tajjeb biżżejjed, irridu nagħtu ċans lill-irkupru.

It-tnaqqis fix-xokkijiet tal-provvista jfisser li inflazzjoni aktar baxxa u tkabbir ogħla jistgħu jinkisbu fl-istess ħin. Dan jagħmilha possibbli għall-ekonomija li taqleb għal sitwazzjoni aktar mgħaġġla mingħajr ma tipperikola l-proċess li għaddej biex titnaqqas ir-rata ta’ inflazzjoni.

Hemm lok biex il-pagi jerġgħu lura għal li kien fi żmien qasir. Fil-fatt, din hija waħda mill-kundizzjonijiet ewlenin previsti fil-projezzjonijiet biex l-irkupru jimmaterjalizza u biex it-tkabbir tal-produttività jiżdied. Hekk kif il-kundizzjonijiet ekonomiċi jinnormalizzaw, it-tkabbir tal-pagi għandu jimmodera gradwalment fuq terminu medju biex ikun konsistenti mat-tendenza tat-tkabbir tal-produttività u l-mira tal-inflazzjoni tagħna.”

Ekonomija

Sport