Friday, March 29, 2024

KUNFIDENZA, KOMPETENZA U KOMPJAĊENZA

Lorna Vassallo

Aqra wkoll

Meta kont ferm iżgħar kont naħseb illi ta’ fuqi huwa tal-esperjenza u ferm iktar kompetenti minni. Rari kont inkun naf il-mod kif wasal fejn wasal. F’99% tal-każijiet ta’ fuqi kienu rġiel. Iżda llum jien ukoll għandi l-kompetenza u l-esperjenza u biddilt id-definizzjoni tiegħi ta’ ‘mgħallem’ jew ‘ta’ fuqi’.  

Naħseb li min imexxi jiżbalja hu u ħadd ma jgħid xejn, anzi jaħbulu, min jitmexxa jiżbalja hu u jqumu l-irwiefen kollha’.  Mhux rari li ta’ taħt jgħatti l-iżbalji ta’ ta’ fuq għax ta’ fuq ikun qiegħed biss jagħti istruzzjoni u  mhux l-ewwel darba jkunu wkoll ħżiena. Biex tpoġġi l-melħ fuq il-ferita normalment ta’ fuq jiffirma ismu daqslikieku għamel ix-xogħol hu u jieħu l-mertu u jiġi mfaħħar fiċ-ċerimonji.

Dan l-aħħar xi ħadd bagħatli diskors ta’ kelliem (raġel) Amerikan li laqatni immens. Huwa spjega li  d-dinja hija mmexxija minn ‘irġiel kunfidenti’ mhux ‘kompetenti’. Li temmen fik innifsek u li ġġiegħel lil ħaddieħor jemmen fik. Ikkonkluda li huwa ferm iktar faċli ssib irġiel kunfidenti u inkompetenti fit-tmexxija milli nisa jew irġiel kompetenti.

Hawn ħafna nies kompetenti.  Irġiel u nisa. Iżda ċ-ċans huwa li l-post jieħdu min hu ‘kunfidenti u kompetenti’, jew min hu ‘kunfidenti u inqas kompetenti’.  Mhux b’kumbinazzjoni, allura, li ħafna min-nies ta’ fuq huma rġiel.  Minn mindu żgħar id-dinja tistenna s-suċċess minnhom. U bil-ftaħir li jirċievu dejjem jemmnu iktar fihom infushom. Jaraw mudelli ta’ parlament mimli rġiel, qrati ffullati bl-irġiel, pulizija u suldati – kważi kulħadd raġel.  Is-sess tiegħek jispiċċa garanzija ta’ suċċess.  L-istess il-ħaddiema tal-id: jafu li huma indispensabbli.  Jekk ma jkunux huma, il-muskoli kbar u l-għarfien  tagħhom, la jitilgħu ħitan u lanqas jgħaddi ilma mill-kanen. Jivvintaw prezz u l-prezz li jixtiequ huma jingħatalhom.

Forsi qed inkun ftit estrema imma għandi wisq esperjenzi biex ma nammettix li dawn l-affarijiet jeżistu.  Il-kunfidenza fl-irġiel tiġi saħansitra mit-trobbija fil-familja.  Wisq irġiel illum jiftakru s-sistema fejn id-deċiżjonijiet jittieħdu biss mir-raġel. U billi llum it-tfal jitrabbew iktar man-nanniet milli mal-ġenituri ma rridux naqgħu fin-nassa li ngħidu li l-mentalità nbidlet f’daqqa.

Tikteb Lorna Vassallo

Is-subien u l-irġiel huma normalment ħafna iktar kunfidenti mill-bniet u n-nisa. Meta raġel jidħol ġo kċina jissejjaħ chef, u meta raġel isir parti minn kor isir tenur.  

U n-nisa huma wkoll maħkumin minn kompjaċenza.  Kompjaċenza hija meta persuna taċċetta li tbaxxi rasha u tkun minn taħt f’sitwazzjoni. U dan jikkuplimenta sewwa d-dominanza maskili.  Mara kemm-il darba ma temminx fiha nnifisha biżżejjed hi stess. Kif għedna fuq, bħalma l-kunfidenza tikber mat-tfal subien minn ċkunithom, il-kompjaċenza tikber mal-bniet. Il-bniet huma mdorrijin jobdu lil ommhom u lil missierhom. U jista’ jkun li l-missier għadu simbolu ta’ saħħa fil-familja.  Biss biss f’ħafna familji anke llum ir-raġel normalment ikollu l-aħjar xogħol u xogħol fejn jikkmanda lil ħaddieħor. U forsi dan stess iwassal lit-tfal iqisu lil missierhom bħala superjuri għall-omm.

Malli n-nisa jkunu f’relazzjoni ma’ raġel b’responsabbiltà ikbar minn tagħhom fuq ix-xogħol, ifasslu ħajjithom skont l-esigenzi tiegħu u mhux tagħhom infushom għax hu jaqla’ iktar minnhom. Malli jitwieldu t-tfal ifasslu ħajjithom skont l-esiġenzi tar-raġel u t-tfal mhux skont l-esiġenzi tagħhom.  Malli jimirdu ommhom u missierhom ifasslu ħajjithom skont l-esiġenzi tal-ġenituri tagħhom flok tagħhom infushom.

Dan biex ma nsemmux il-bosta relazzjonijiet abbużivi fejn il-mara jkollha toqgħod għal kollox anke inkluż tgħajjir u swat li huma ppruvat statistikament minn rapporti fl-għases u ċertifikati l-isptar. U dawn ir-relazzjonijiet abbużivi mhumiex biss bejn persuni f’relazzjoni sesswali bejn raġel u mara iżda wkoll bejn tifla u missier, bejn mara u ħuha jew mara u binha.  U b’hekk, il-bżonn tal-liġi tal-femmiċidju, skwadra apposta tal-pulizija u ammont dejjem jikber ta’ rapporti ta’ vjolenza domestika.

Fl-istess ħin ir-raġel iktar kemm jikber iktar jemmen fih innifsu. Meta jkollu t-tfal jibda jemmen li  għandu d-dritt jaħdem iktar barra d-dar għax hemm bżonn iktar flus.  Iktar għandu d-dritt li jogħla fil-kariga biex aktar iġib flus lejn il-familja. U meta jimirdu l-omm u l-missier jemmen li l-mara tista’ tagħmel xogħol magħhom aħjar.  U lanqas jgħaddilu minn rasu li qed iqatta’ inqas ħin mat-tfal minn martu jew inqas ħin m’ommu u missieru minn oħtu.

Nemmen, iva, illi waħda mill-ikbar problemi hija wkoll il-kompjaċenza tan-nisa. Jaċċettaw li jkunu nisa tad-dar u ma jsejħux lilhom infushom koki jew chefs.  Jaċċettaw li jkunu f’kor u bla ma jsiru soprano jew alto.  Idoqqu l-vjolini imma ma jsirux maestros.  Ikunu fil-kumitat imma ma jippruvawx isiru president jew membru parlamentari.  Ikunu artikolisti mhux membri parlamentari.  Minn banda, daqskemm dan huwa tort tal-irġiel huwa wkoll tort tan-nisa. 

Iżda mhux in-nisa kollha hekk. Jien, pereżempju, ma nqisx lili nnifsi inferjuri. Iżda żgur li ma wasaltx fejn kelli nasal u ħassejt li n-nuqqas ta’ fiduċja fija bħala mara tiġbidni lura.  

Kelli irġiel fuqi li bagħtuli espressament “Jien ma nafx fuq xiex qed titkellem” meta staqsejt għall-parir tagħhom.  Dan għaliex għalkemm kienu fil-kariga ma kellhomx l-iċken idea tax-xogħol li qed isir taħthom.  Kelli min għajjarni li qed naħseb li jien Angela Merkel għax nitkellem bil-Ġermaniż!  U mhux l-ewwel darba saħansitra ġejt mgħajra minn ta’ fuqi minħabba l-kompetenzi tiegħi.

Raġel Malti ġenwin qalli: “U żgur il ma tilħaqx int!  Inkella x-xogħol ta’ veru min ser jagħmlu?  Ta’ fuq għar-ritratti biss qiegħed hemm!” U naħseb li għandu wkoll raġun.  L-istess kompetenza, speċjalment fil-każ tal-mara, iżżommha lura.  Dan għaliex normalment hija l-mara li tkun kompetenti u tistinka fuq ix-xogħol u fl-istess ħin hija wkoll il-mara li taċċetta li tibqa’ dejjem taħt. B’hekk il-kwalitajiet tal-mara jiġu interpretati kollha kontriha u l-ftit kwalitajiet tar-raġel jiġu eżaġerati għax aħjar imexxi hu għax ma jintilef ħadd ‘kompetenti’ mit-tim jekk jilħaq hu!

Wasalna f’fażi primittiva tal-ugwaljanza. Xi nisa qed jirnexxu għax b’xi mod għandhom xi rġiel qed jappoġġjawhom.  Dawn jistgħu jkunu missirijiethom, żwieġhom jew ħuthom.  Jistgħu wkoll ikunu maħbubin tagħhom jew sempliċement ħbieb. Imma ma jfissirx li jekk ċerti nisa qed jirnexxu għax iħalluhom jirnexxu ċerti rġiel, in-nisa kollha rnexxew. Bħalma jgħidu t-Taljani “una rondine non fa primavera”.  Il-fula f’qargħa ma tfissirx suċċess għal kulħadd. Is-suċċess tan-nisa għadu jiddependi wisq mill-irġiel.  Speċjalment fejn huma karigi u ħatriet.  Mhux biss il-fatt li l-mara tinterrompi ħajjitha minħabba t-tfal li jaffettwa. Kieku n-nisa li m’għandhomx tfal kollha rnexxew. Imma huwa l-fatt li s-soċjetà – nisa u rġiel – ma jemmnux biżżejjed  li l-mara tista’ tmexxi li jgħodd.  U n-nisa nfushom ma jemmnux biżżejjed fihom infushom.

Intenni li huwa għalhekk li nemmen fil-mekkaniżmu parlamentari introdott.  Għax in-nisa fis-soċjetà Maltija tal-lum (u anke fid-dinja) bilfors in-nisa mhux appoġġjati jridu t-tielet ċans biex jirnexxu. Naqbel, illum is-soċjetà tħares wisq iktar lejn il-kunfidenza milli lejn il-kompetenza.

Ekonomija

Sport