Thursday, December 26, 2024

“Kunflitt li seta’ ġie evitat permezz tad-djalogu u d-diplomazija”

Messaġġ tal-President tal-GWU Victor Carachi f'Jum il-Ħaddiem

Aqra wkoll

Meta ta’ kull sena nikkommemoraw Jum il-Ħaddiem fl-Ewwel ta’ Mejju inkunu b’hekk qed niċċelebraw l-għaqda u l-mixja ‘l quddiem li għamel il-ħaddiem mal-milja tas-snin. Huma kisbiet dawn li mhux biss tejbu l-kundizzjonijiet tal-klassi tax-xogħol imma li wasslu wkoll għal ħajja aħjar u iktar diċenti għall-familji Maltin.

F’dawn l-aħħar sentejn il-ħaddiema Maltin iżda kienu iffaċċjati b’theddida serja li jitilfu kulma kisbu matul iż-żmien. Theddida li feġġet kaġun ta’ pandemija li ma konniex qed nistennew jew li se ttul daqskemm ilha. Pandemija li ħalliet effetti gravi mhux biss fuq l-ekonomija dinjija imma wkoll ġabet magħha effetti devastanti soċjalment.

Pajjiżna wkoll, f’dawn is-sentejn li għaddew u bħal pajjiżi oħra, iffaċċja din it-theddida imma f’dan kollu, kien għaqli biżżejjed meta għaraf kif noħolqu bilanċ sostnut bejn is-saħħa pubblika u l-ekonomija. 

Dan il-bilanċ kien kruċjali biex l-ekonomija Maltija mhux biss ma titniżżilx għarkubtejha   imma li setgħet tkompli tiffunzjona u f’xi waqtiet tikber ukoll. Kien kruċjali biex l-impjiegi ma ntlaqtux severament kif kien maħsub. Mhux talli hekk talli l-għajxien tal-ħaddiema kien protett b’miżuri progressivi u f’waqthom li ntroduċa l-Gvern biex isostni lill-familji u lin-negozji.

Jidher issa li dan il-bilanċ qed iwassalna biex noħorġu minn din is-sitwazzjoni u l-irkupru ekonomiku qed jirranka sew. Dan l-irkupru qed narawh l-ewwel fil-konsum. Huwa wkoll rifless fil-qawmien mill-ġdid tal-industrija tat-turiżmu u l-ospitalita li iktar ma jgħaddi żmien iktar qed tieħu r-ruħ u ftit ftit qed terġa lura għan-normalita’ li konna ngħixu qabel il-pandemija.

Minkejja dan l-iżvilupp pożittiv li ilna nixtiquh, quddiemna issa, bħal bqija tal-pajjiżi Ewropej, għandna theddida ġdida, theddida ġejja mill-gwerra bla sens li nħolqot bl-invażjoni Russa tal-Ukrajna. Huwa kunflitt dan li seta’ ġie evitat mhux bil-forza militari jew bil-bumbardamenti imma permezz tad-djalogu u d-diplomazija.

Imma jidher li d-diplomazija din id-darba falliet ukoll. Huwa evidenti għalhekk li l-Jum dinji ddedikat lill-Ħaddiem din is-sena se jkun imgeżwer fil-konsegwenzi ta’ din il-gwerra; telfien tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, skarsezzi ta’ oġġetti essenzjali, żidiet tremendi fil-prezzijiet partikularment tal-enerġija u fuq kollox kriżi umana ta’ familji sħaħ spustjati minn darhom u refuġjati.

F’din it-traġedja umana għalhekk, bħala Maltin, iktar u iktar aħna bħala trejdunjonisti li nemmnu fil-prinċipju tas-solidarjeta, għandna nibqgħu nkunu ta’ sosten ma’ min għaddej minn tbatija. Għax nemmnu li solidarjeta’ m’għandhiex tkun biss bejnietna l-Maltin imma wkoll ma kulmin hu għaddej minn mumenti diffiċli, hu min hu u hu fejn hu.

F’dan il-mument, is-solidarjeta’ internazzjonali hija meħtieġa iktar minn qatt qabel u ta’ dan Malta diġa tat prova tal-ġenerożita kbira tagħha ma’ min jeħtieġ l-għajnuna. Bħala poplu, hekk irridu nkomplu nagħmlu biex verament nipprattikaw dak li nemmnu fih.

Nawgura Jum il-Ħaddiem mill-aqwa lill-ħaddiema kollha u l-familji tagħhom.

Ekonomija

Sport