Sunday, November 24, 2024

KUNFLITT ‘MINSI’ … 75 SENA MILL-KATASTROFI PALESTINJANA 

Aqra wkoll

Għaddew sena u tlett xhur mill-bidu tal-invażjoni fl-Ukrajna. Kunflitt li baqa’ jiddomina d-dinja u li minkejja li hemm sitwazzjoni staġnata kollox qed jiddependi kemm il-pajjiżi li qegħdin jgħinu lill-Ukrajna militarment, jiġifieri l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea se jdumu disposti li jagħtu din l-għajnuna. Apparti din il-gwerra hemm kunflitt oħra li mhux dejjem nisimgħu bihom jew li jingħataw l-attenzjoni li jixraqilhom. Fost dawn hemm il-kunflitt fi Myanmar bejn diversi gruppi etniċi. Hemm kunflitt fl-Afganistan, Burkina Faso, il-Kongo, l-Etjopja u l-Mali fost oħrajn.

Propju fl-aħħar sigħat, kellna l-75 anniversarju minn Nakba, il-każ fejn milizzji Iżraeljani, sfurzaw aktar minn 700.000 Palestinjan il-barra mill-artijiet fejn kienu jgħixu. Dan il-każ jitqies bħala ‘tindif etniku’ fajn dawk li kellhom jitilqu u d-dixxendenti tagħhom baqgħu imċaħħdin milli jirritornaw fejn kienu jgħixu.

Sfortunatament dan hu anniversarju li ftit li xejn jissemma’ għajr għal xi dimostrazzjonijiet li jsiru mill-Palestinjani stess. Jista’ jkun li ftit li xejn jitfakkar minħabba iż-żmien li għadda jew għax il-kunflitt tant ilu għaddej, li issa indaga.

Ikun żball kbir li kunflitt bħal dak li seħħ 75 sena, li għadu għaddej sa llum jitwarrab, jintnesa jew insiru passivi għalih. Din it-traġedja tal-Palestinjani għadha għaddejja illum ukoll. Il-poplu Palestinjan minkejja li l-kawża tiegħu ħafna drabi tkun imwarrba u dan isir minħabba interessi, xorta waħda għadu għaddej minn tbatijiet kbar.

Wara dak li sar u dak li qed jiġri f’din il-parti tad-dinja, hemm il-forzi imperjalisti tar-Renju Unit u l-Istati Uniti. Wieħed ma jridx jinsa li l-Imperu Ingliż kellu rwol deċiżiv fil-formazzjoni tal-Istat ta’ Iżrael.

Minkejja dikjarazzjonijiet ma jaqtgħu xejn kemm minn politiċi tal-Unjoni Ewropea matul is-snin u anke minn politiċi fl-Istati Uniti u r-Renju Unit dwar is-sovranità Palestinjana, ir-realtà kienet li dawn baqgħu jimbuttaw l-quddiem il-kolonizazzjoni tal-Palestina, bil-Palestina dejjem ikomplu jitteħdulhom aktar artijiet. Dan waqt li dawn il-pajjiżi baqgħu ikunu ta’ sostenn għal Iżrael.

Gwerrer imperjalisti li saru matul is-snin u issa qegħdin naraw riċentament bl-invażjoni Russa fl-Ukrajna, wasslet biex ħolqot eluf kbar ta’ refuġjati. Jekk nieħdu l-kunflitt fil-Palestina naraw eluf kbar li ilhom snin twal jgħixu fil-kampijiet. Oħrajn spiċċaw mgħarrqa fil-Mediterran waqt li ppruvaw jaħarbu.

Id-domanda li għandha ssir hi waħda ċara:  hemm rieda mill-pajjiżi tal-Punent biex tinstab soluzzjoni? Bil-kliem jingħadu ħafna dikjarazzjoni, imma fil-konkret isir ftit jew xejn. Għax kif tridu jieqaf il-kunflitt, jekk għandek dawn il-pajjiżi jissupplixxu jew ibiegħu l-armi lil naħa jew oħra. Kif jista’ jieqaf il-kunflitt fl-Ukrajna jew dawn il-pajjiżi tal-Punent qegħdin jgħinu militarment lil naħa partikolari?

U issa qegħdin naraw sitwazzjoni fejn biex il-gvernijiet ta’ dawn il-pajjiżi tal-punent isaħħu l-pożizzjoni tagħhom mal-elettorat dawn qegħdin jitkellmu fuq li se jkunu aktar iebsa mar-refuġjati u dawk li jkunu qed ifittxu l-ażil. Din qed issir fir-Renju Unit u anke fl-Istati Uniti.

In-Nakba, li tfisser katastrofi, turi il-kruha tal-imperjaliżmu, ilbieraħ u llum. Hi ukoll tagħlima, li turi is-saħħa tar-reżistenza. Reżistenza minn dawk bi ftit mezzi, imma jemmnu f’kawża u qegħdin jibqgħu jiġġieldu għaliha. Popli, li batew ħafna, imma minkejja s-sofferenzi li jkunu għaddejjin minnhom jibqgħu magħqudin u determinati li jibqgħu jeżistu u jgħixu.

Sport