Tuesday, December 24, 2024

Kunsill Lokali mmexxi minn Graziella Galea fiċ-ċentru ta’ deċiżjoni li swiet eluf ta’ Ewro f’danni

Eku tal-każ li tfajla Ukrena spiċċat paralizzata waqt party li l-Kunsill kien applika għall-permessi hu meta ma kienx l-organizzatur ewlieni tal-attività.

Aqra wkoll

Deċiżjoni li tidher stramba tmur lil hinn minn dak li kien finalment iddeċieda l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar swiet mhux biss ir-reputazzjoni tal-Kunsill iżda issa eluf kbar ta’ ewro li l-Kunsill ġie ordnat iħallas. Il-każ huwa dwar tfajla Ukrena li kienet tipprattika l-ġinnastika u spiċċat paralizzata f’siġġu tar-roti wara inċident waqt party fil-Qawra. Is-Sindku dak iż-żmien kienet Graziella Galea, illum Deputat Nazzjonalista.

Kien f’Settembru tal-2008 li seħħ il-każ fejn Vladyslava Kravchenko ta’ 17-il sena sfat midruba u sofriet minn 75 fil-mija ta’ diżabilità. Il-ġimgħa l-oħra l-Qorti tal-appell għolliet il-kumpens li għandha tirċievi Kravchenko għas-somma ta’ €551,589. Jirriżulta li l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar huwa ordnat iħallas 20 fil-mija ta’ dik is-somma apparti spejjeż oħra legali u imgħaxijiet. Fil-fatt sa mill-2011, il-Kunsill kien qed iħallas €3,000 fis-sena għal ħlasijiet legali. Hu stmat li l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar ħa jħallas madwar kwart ta’ miljun ewro wara li kien hu li applika għall-permessi ta’ dan il-party biex isir anki jekk ma kienx l-organizzatur ewlieni.

Fil-fatt minuti ta’ laqgħa li saret fil-21 ta’ Awwissu 2008, ftit qabel ma sar il-party, juri biċ-ċar li l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar dak iż-żmien immexxi minn Graziella Galea kellu biss jaħdem b’kollaborazzjoni biex isir dan il-party f’Ta’ Fra Ben. Il-minuti tal-laqgħa li jinsabu f’idejn din il-gazzetta, jgħidu ċar li kellu jkun hemm kollaborazzjoni, iżda l-Kunsill Lokali ħass li kellu jkun hu li japplika għall-permessi meħtieġa biex isir il-party fl-14 ta’ Settembru 2008. Sa issa għadu mhux ċar għalfejn minkejja li l-minuti qalu ċar u tond il-kliem kollaborazzjoni, imbagħad kien il-Kunsill li qabad u applika hu għall-permessi.

Fuq il-każ kienu weġġgħu aktar persuni wara li r-riħ waqqa’ apparat tad-dawl fuq in-nies. Fl-2017, l-Imħallef Silvio Meli kien sab li kien hemm negliġenza fit-tħejjijiet ta’ dan il-party fosthom aspetti marbuta mas-saħħa u s-sigurtà. Intqal li l-apparat ma kienx marbut sew biex jiflaħ għall-elementi naturali u xejjen għal kollox l-iskużi tar-riħ. Fuq il-każ, id-direttur tal-kumpanija tad-dawl Maurice Attard kien weħel għaxar xhur ħabs iżda l-avukati tiegħu appellaw u sa issa l-każ reġa’ mar biex jerġa’ jibda jinstema’.

Ekonomija

Sport