Sunday, November 24, 2024

“Kuntent bir-riżultati li ksibna fil-Kampjonati Ewropej”

Bogdan Rath - Coach tar-Rumanija tal-waterpolo

Aqra wkoll

Bogdan Rath twieled fit-28 ta’ Ġunju 1972 u hu coach tal-waterpolo mat-team nazzjonali tar-Rumanija. Hu għandu ċittadinanza Rumena u anke Taljana u meta kien għadu player ikkompeta fil-logħob Olimpiku għar-Rumanija fl-1996 u tmien snin wara fl-Olimpijadi Griegi rrappreżenta lill-Italja. 

Mas-Settebello hu lagħab 110 darbiet u rnexxielu anke jirbaħ il-midalja tal-bronz fit-tazza Ewropea fl-2001 f’Budapest u fit-Tazza tad-Dinja fl-2003 li saret f’Barcellona.

Bħala player hu kien jilgħab fl-Italja ma’ Paguros, Posillipo, Savona, Brescia u Ortigia. Hu rebaħ żewġ kampjonati, it-Tazza tat-Tazzi u l-Kampjonat Ewropew LEN.

Rath għandu wkoll konnessjoni mal-gżejjer Maltin hekk kif bħala coach mexxa lil San Ġiljan, Sliema, Sirens u anke Valletta. Sadanittant fil-jiem li għaddew mexxa lit-tim nazzjonali Rumen fil-logħob Ewropew tal-LEN

Talk.mt tkellem ma’ Rath fejn id-diskors waqa’ fuq il-parteċipazzjoni tar-Rumanija fl-aħħar edizzjoni tal-Kampjonat tal-LEN li sar fil-Kroazja.

It-team nazzjonali Rumen spiċċa fl-10 post ta’ din il-kompetizzjoni fejn kellhom taħlita ta’ riżultati bejn pożittivi u oħrajn xi ftit negattivi.

Rath beda biex qal li t-team nazzjonali Rumen għaddej minn tibdil ġenerazzjonali b’diversi plejers veterani li rtiraw u oħrajn żgħażagħ li daħlu fl-iskwadra.

“Bla dubju li din it-transizzjoni ma kinitx faċli. Ma tantx kellna ċ-ċans li nippreparaw sew għal dawn il-kampjonat u forsi n-nuqqas ta’ esperjenza għamlet tagħha wkoll.”

“Dan kien mistenni meta tqis li kellna ħafna players li għalihom din kienet l-ewwel esperjenza internazzjonali.”

Rath ilu jmexxi lit-team nazzjonali Rumen sa minn Lulju li għadda meta ħa post Anthanasus Kechagias li telaq sabiex imexxi lill-club Ġermaniż ta’ Spandau Berlin.

“Il-fatt li jien kont ili biss għal ftit tal-ġimgħat ftit għenet. Tista’ tgħid li għamilt il-mirakli sabiex f’temp daqshekk qasir bdejt nagħmel is-sessjonijiet tat-taħriġ u eventwalment l-għażla tal-players.”

Minkejja kollox, Rath hu kuntent bir-riżultati miksuba f’dawn il-Kampjonati Ewropej fosthom ir-rebħa kontra l-Ġermanja u d-draw kontra l-Olanda.

Sadanittant fil-logħbiet kontra l-Montenegro u Spanja, il-wirjiet ma kinux daqshekk pożittivi iżda Rath tenna li dan kollu kien mistenni minħabba li l-plejers għajjew u fl-istess waqt l-esperjenza ma kinitx waħda kbira għalihom. 

“Il-fatt li ma lgħabniex logħob uffiċjali qabel dan it-turnament seta’ kien fattur li nkisbu ċerti riżultati iżda jien intenni li ninsab sodisfatt b’dak li għamlu l-players tiegħi.”

Tkellimna ma’ Rath dwar it-team nazzjonali Malti mmexxi minn Karl Izzo u t-13-il post li nkiseb f’dawn il-kampjonati.

“It-team nazzjonali Malti mmexxi mill-coach bravu Karl Izzo għamel progress enormi f’dan l-isport. Jien naf għax kelli ċ-ċans li nikkowċja Malta. Il-fatt li diversi players lagħbu matul dan is-sajf fil-kampjonat għen ukoll sabiex il-fiżika tagħhom tkun waħda tajba.”

“Huma rnexxielhom ukoll jikkwalifikaw għar-raba’ darba konsekuttiva u rreġistraw rebħa storika kontra s-Slovenja. Jien personalment kuntent għalihom għax naf li ilhom jaħdmu ħafna għal dan il-mument.”

Finalment saqsejna lil dan il-coach ta’ 49 sena dwar il-futur tiegħu. Hu qalilna li minn issa ‘l quddiem se jkun qed jikkowċja lit-team Rumen għalkemm għandu ħsieb ukoll li jagħti sehmu fit-tmexxija ta’ club hekk kif Steaua Bucharest qed ifittxu li jiksbu s-servizzi tiegħu. 

Sport