Monday, September 1, 2025

‘Kuntent ħafna li rbaħt kemm il-Kampjonat kif ukoll in-Knockout dan is-sajf ma’ Marsaxlokk ASC’ – Sasa Misic

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-waterpolo?

Trabbejt f’Herceg-Novi, u dak iż-żmien Jadran kien tim pjuttost qawwi. B’xi mod il-belt kollha kienet mal-klabb, l-istands kienu dejjem mimlija, allura spiss kont immur nara dawk il-logħob, fejn kont nieħu gost ħafna. Naħseb li hemmhekk sibt l-ewwel sentimenti tiegħi għall-waterpolo. Dejjem għoġobni l-fatt li l-waterpolo huwa sport pjuttost iebes u fiżikament impenjattiv, b’ħafna kuntatt, li jagħmilha aktar interessanti mill-biċċa l-kbira tal-isports (għall-inqas għalija).

Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. X’tikkummenta fuq ir-rebħ tad-Diuble permezz tar-rebħ tal-kampjonat u n-Knockout minn Marsaxlokk ASC, wara li x-Xlukkajri kienu diġá għamlu dan lura fl-2016?

Naturalment jien kuntent ħafna li rbaħt kemm il-Kampjonat kif ukoll in-Knockout dan is-sajf ma’ Marsaxlokk ASC, wara li rbaħt il-kampjonat u s-Super Cup is-sajf li għadda mal-istess tim. Naħseb li t-tim jidher pjuttost dominanti u dan jagħmilni partikolarment kuntent.

Għandna sensiela fil-kampjonat ta’ 26 rebħa f’żewġt isjuf li ġiet inkurunata bit-titli, allura nista’ biss nifraħ lill-plejers u ngħid hawn dak li għedtilhom personalment, li jien kburi bihom. Imma fl-isports m’hemmx ħafna ħin għall-ferħ. Naturalment għandna nkunu kburin b’dak li għamilna, imma fl-istess ħin għandna nibqgħu umli u bil-ġuħ għas-suċċess u biex nuru lilna nfusna, biex nippruvaw nirrepetu suċċessi simili s-sajf li ġej.

X’inhi d-differenza ewlenija bejn li tkun plejer u kowċ?

Id-differenza bejn plejer u kowċ hija enormi. Li tkun kowċ huwa xogħol ħafna aktar stressanti u responsabbli. U rrid nenfasizza li li tkun kowċ f’Malta huwa saħansitra aktar diffiċli milli tkun kowċ f’pajjiżi oħra. Huwa unur għalija li nkun u naħdem hawn għax tista’ tħoss il-passjoni għall-waterpolo, imma mhu faċli xejn.

Nissodisfa ruħi meta naħdem ma’ plejers żgħażagħ, li magħhom nitkellem ħafna dwar affarijiet oħra barra l-waterpolo, u nipprova ngħallimhom il-valuri t-tajba fil-ħajja, sabiex minbarra li jkunu atleti tal-aqwa livell, isiru nies dinjitużi u kuraġġużi li jafu x’jridu u jkunu lesti li jiġġieldu għalih.

Kemm hu importanti li plejer tal-waterpolo jkun ukoll għawwiem tajjeb?

Naħseb li li tkun għawwiem tajjeb huwa essenzjali għall-waterpolo, u li huwa importanti ħafna li plejer żagħżugħ tal-waterpolo jibni pedament tal-għawm, u mbagħad fuq dik il-bażi tal-għawm jibni fuq l-elementi tal-waterpolo.

Jiena wieħed mill-eżempji tajbin ta’ dan. meta wieħed iqis li bdejt nilgħab il-waterpolo pjuttost tard, tlift li nagħmel dik il-bażi tal-għawm, li mingħajrha huwa ferm aktar diffiċli li tagħmel karriera tajba tal-waterpolo, iżda xorta ninsab sodisfatt b’kif irriżulta kollox.

X’tikkummenta fuq l-esperjenza passata tiegħek mat-tim nazzjonali tal-Montenegro?

Għandi biss memorji tajbin tat-tim nazzjonali Montenegrin. esperjenzajt rebħ ta’ midalji u hena, iżda wkoll telfiet koroh u diżappunti, iżda kollox huwa vjaġġ li jsaħħaħk u jsawwarlek kemm bħala atleta kif ukoll bħala persuna. it-tim nazzjonali huwa xi ħaġa li għandha tkun l-aktar sagra u importanti għal kull atleta.

X’tikkummenta fuq pajjiżna?

Inħobb ħafna niġi hawn Malta nilgħab il-waterpolo, għax huwa l-isport numru 1 fil-gżira. Inħoss il-passjoni għall-waterpolo f’kull pass, u dan hu li nirrispetta ħafna hawn u għaliex inħobb niġi hawn. Jien grat lejn in-nies ta’ Marsaxlokk tal-fiduċja tagħhom, u qed nagħmel minn kollox biex inkun ta’ eżempju tajjeb għal sħabi l-plejers żgħażagħ kemm ġewwa kif ukoll barra mill-pixxina.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-waterpolo?

Fir-rigward tal-futur tiegħi, fil-waterpolo għalissa huwa ċert li se jkolli staġun ieħor ta’ logħob fi Franza, u għandi ftehim ma’ Marsaxlokk u Neptunes għas-sajf tal-2026. U għal wara dan, naraw. Fl-aħħar nett, nixtieq nirringrazzja hawnhekk ukoll lil Aleksandar Ciric għall-kooperazzjoni tiegħu għax jaħdem mal-plejers tiegħi fix-xitwa, u lil Rainer Scerri, Victor Fenech, Matthew Bonello, Darrell Borg, l-istaff kollu ta’ Xlokk u Neptunes, għall-fiduċja tagħhom. Se nagħmel l-almu tiegħi biex niġġustifikaha s-sajf li ġej mill-ġdid.

Għaddi messaġġ finali lil dawk it-tfal u / jew żgħażagħ li bħalek jixtiequ jagħmlu karriera ta’ suċċess fil-waterpolo.

Jien kont ngħid lit-tfal u liż-żgħar, l-ewwel nett, biex iqattgħu l-inqas ħin possibbli quddiem skrins tal-mowbajl u monitors tat-televixin u tal-kompjuter, biex jagħmlu sport kemm jista’ jkun, għax l-isport huwa l-aħjar mod kemm għall-iżvilupp fiżiku kif ukoll mentali , integrazzjoni soċjali u ħafna aktar.

Jien kont ngħidilhom biex qatt ma jaqtgħu qalbhom, u qatt ma jqabblu lilhom infushom ma’ ħaddieħor. Dejjem żbaljat li naħseb li rrid inkun aħjar minn dak il-plejer … l-unika mira li għandu jkolli hi li għada nkun aħjar milli jien illum, u hekk kuljum, sakemm jintlaħaq l-għan, irridu dejjem ikollna mira fil-bogħod. Ma jfissirx bilfors li dejjem se naslu, imma importanti li jkollna mira, anke jekk tkun ‘il bogħod, li nkunu nafu fejn sejrin!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport