Saturday, June 7, 2025

Kuntent li ħa nirritorna ma’ klabb li lgħabt miegħu għal diversi staġuni, anke fil-Premier – Brian Spiteri

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Minn meta kont l-iskola primarja tal-iMsida u ta’ għaxar snin bdejt nattendi ċ-Ċentru Sportiv tal-Marsa mal-kowċ, Leli Fabri. Naħseb li hemm bdiet l-imħabba lejn l-isport speċjalment lejn il-futbol.

Kif qed tħares lejn l-esperjenza ġdida tiegħek bħala kowċ ta’ Zurrieq FC?

Kuntent li ħa nirritorna ma’ klabb li lgħabt miegħu għal diversi staġuni, anke fil-Premier u anke kelli x-xorti li nirbaħ kemm il-kampjonat u anke n-Knock-Out tal-Ewwel Diviżjoni fl- istaġun 1992/93.

X’tikkummenta fuq l-esperjenza passata tiegħek bħala kowċ ta’ Mġarr United FC, u kemm tgħallimt minnha?

Kienu sena u nofs sbieħ. Fl-ewwel staġun irbaħna d-double tan-National Amateur League u fit-tieni staġun spiċċajna fis-seba’ post, biex b’hekk il-klabb tal-Imġarr żamm postu fiċ- Challenge League għall-ewwel darba.

Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?

Inbidel ħafna, anke ċ-Challenge League. Illum dan il-kampjonat sar kompettitiv ħafna, u kull tim ikun ippreparat. Xorta nemmen li fil-Malta Premier hemm influs qawwi ta’ plejers barranin li qed jillimita l-ispazju għall-plejers żgħażagħ Maltin.

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn tilagħbu l-logħob uffiċjali tagħkom?

Dan l-istagun inbidel il-wiċċ tal-grawnd tal-Victor Tedesco Stadium fil-Hamrun, u għamel differenza kbira, waqt  li milli jidher is-Centenary Stadium f’Ta’ Qali se jinbidel dan l-istaġun. Naħseb li kieku jibdew jixxarrbu qabel il-logħba, ikomplu jtejbu il-livell tal-logħob.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Diment li nibqa’ motivat, nibqa’ għaddej. Fil-futbol kelli mumenti sbieħ u mumenti diffiċli, peró l-futbol għallimni ħafna, anke għall-ħajja personali tiegħi. Sodizfazzjon meta tirbaħ xi unur u anke meta xi plejer żagħżugħ li tkun introduċejt, narah jilgħab fil-Premier jew man-nazzjonal.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Il-futbol huwa stil ta’ ħajja mhux sempliċiment karriera, li jirrikjedi ħafna sagrifiċċji personali. Jgħinek tkun persuna ta’ dixxiplina, li aktar ma tikber tapprezza aktar.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport