Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-waterpolo?
Bdejt nilgħab il-waterpolo meta kelli 12-il sena. Qabel dan, lanqas biss kont naf ngħum. Il-passjoni ewlenija tiegħi sakemm kelli 12-il sena kienet il-futbol, imma mbagħad, peress li kont niġri ħafna, riġlejja kienu jweġġgħuni wara kull prattika. Il-ġenituri tiegħi ħaduni għand it-tabib.
Ħaduli x-ray, u t-tabib qalli li kelli nnaqqas it-tensjoni fuq riġlejja kemm jista’ jkun, għax dan seta’ jwassal għal problemi serji aktar tard. Wara dan, missieri ssuġġerixxa li nipprova l-waterpolo, u hekk bdiet l-imħabba tiegħi għal dan l-isport.
Ħa mmur mal-ewwel għall-unt. X’tikkummenta fuq l-esperjenza fil-Kampjonati Ewropej f’Belgrad, fejn int kont wieħed mill-protagonisti assoluti għal pajjiżna?
Ninsab kuntent li kont parti minn dan it-tim, u naturalment, li flimkien stajna ntejbu r-riżultat meta mqabbel ma’ drabi preċedenti. Grazzi lil kull min ikkontribwixxa għal dan ir-riżultat u, naturalment, lill-partitarji sinċiera li emmnu fina u appoġġjawna mill-bidu nett.
Kif qed tħares lejn l-esperjenza ġdida tiegħek ma’ Neptunes?
Meta rċevejt l-offerta tagħhom, ma ħsibthiex darbtejn. Huma wieħed mill-aktar timijiet b’saħħithom f’Malta u għandhom l-ogħla miri, li tassew jolqotni.
Iddeskrivi l-esperjenza passata tiegħek mat-tim nazzjonali Russu.
Kont membru tat-tim nazzjonali Russu għal għaxar snin u pparteċipajt fl-akbar kompetizzjonijiet ħlief il-Logħob Olimpiku … ovvjament kienet esperjenza mill-aqwa għalija u għandi memorji sbieħ.
U dawk f’pajjiżna ma’ Marsaxlokk ASC u Valletta United.
L-ewwel esperjenza tiegħi f’Malta kienet ma’ Marsaxlokk, imbagħad lgħabt għal Valletta, fejn lgħabt ukoll għall-aħħar staġun kollu. Kienet esperjenza tajba għalija. Jiena grat lejn dawn it-timijiet u nawguralhom suċċess fil-futur.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Mladost Zagreb fil-Kroazja.
Mladost huwa tim professjonali bi tradizzjoni qawwija tal-waterpolo. It-tim tiegħi jikkonsisti minn 11-il plejer tat-tim nazzjonali Kroat, li kollha huma champions u professjonisti kbar. Unur għalija li nkun parti minn dan it-tim.
Kif tqis il-livell tal-waterpolo Malti fil-preżent?
Fl-opinjoni tiegħi, il-waterpolo Malti tjieb ħafna fil-livell, anke meta mqabbel mal-2019, hekk kif din is-sena dħalt aktar fl-isport. Il-kowċis barranin huma kontributur kbir għal dan, naturalment. Jekk ma niżbaljax, 8-9 mit-12-il tim għandhom mill-inqas kowċ barrani wieħed, inkluż it-tim nazzjonali.
U, naturalment, il-ġenerazzjoni żagħżugħa ta’ plejers Maltin hija lesta li taħdem ħafna u titjieb. Dan jgħin lill-kowċis Maltin jiżviluppaw, u naħseb li l-kowċis barranin kollha huma kuntenti li jaqsmu l-esperjenza tagħhom ma’ kull min verament iridha.
U dak tar-riżorsi (pixxini) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob uffiċjali tagħkom f’pajjiżna?
Il-pixxini qed jinbtu f’Malta, u kont partikolarment impressjonat bil-pixxina f’Għawdex fejn lgħabna logħba ta’ ħbiberija kontra l-Portugall. Naħseb li għandu jinbena kumpless ieħor simili f’Malta, peressli n-nies f’Malta jħobbu ħafna l-isports, speċjalment dawk li jinvolvu l-ilma.
X’tikkummenta fuq il-kowċ tat-tim nazjonali Malti, Milan Cirovic, u fuq il-president tal-ASA, Karl Izzo?
Il-kowċ Milan huwa professjonist veru u jagmel dak kollu li jista’ biex itejjeb il-prestazzjoni tat-tim nazzjonali u jikseb l-aħjar riżultati. Karl, il-president, huwa wkoll impenjat li jtejjeb il-waterpolo Malti u jagħti kontribut sinjifikanti għal din il-kawża.
Dak li nammira personalment hija l-passjoni tagħhom għat-titjib tal-waterpolo. U l-plejers qed jagħmlu l-almu tagħhom f’kull taħriġ, allura naħseb li qegħdin fit-triq it-tajba.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-waterpolo? Għad narawk kowċ ‘il quddiem?
Sakemm saħħti tippermetti, qed nippjana li nkun plejer, allura iva, jien interessat fil-kowċing.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ success fil-waterpolo.
L-ewwel u qabel kollox, huwa importanti li temmen fik innifsek u qatt ma taqta’ qalbek, anke meta s-sitwazzjoni ssir diffiċli. U naturalment, id-dixxiplina hija l-pedament li fuqu tinbena l-karriera ta’ plejer. Awguri lil kulħadd!

