Tuesday, September 23, 2025

‘Kuntent u entużjast ħafna li se nilgħab ma’ Sannat Lions FC … nixtieq li nkompli nikber u ngħin lit-tim biex nirbħu u nitilgħu fl-Ewwel Diviżjoni’ – David Galea

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Jiena bdejt nilgħab il-futbol ta’ etá żgħira ta’ tmien snin mimli enerġija għal-logħba tal-ballun u ta’ dik l-etá, il-ġenituri tiegħi raw kemm kelli mħabba għall- ballun u daħħluni l-ewwel darba mal-Oratory Youths FC. Hemmhekk tgħallimt u kbirt fejn anke lgħabt magħhom u kelli l-oportunitá li nagħmel id-debutt tiegħi fl-Ewwel Diviżjoni fl-etá ta’ 18-il sena. L-aħħar sentejn lgħabt ma’ Għarb Rangers FC fejn naħseb li urejt jiena x’noffri fil-futbol.

Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. Kif qed tħares lejn l-esperjenza ġdida tiegħek ma’ Sannat Lions FC?

Kuntent u entużjast ħafna li se nilgħab ma’ Sannat Lions FC, il-klabb fejn anke lagħab missieri Paul Galea bħala goalkeeper għal ħafna snin u nixtieq li nkompli nikber u ngħin lit-tim biex nirbħu u nitilgħu fl-Ewwel Diviżjoni.  Kuntent ukoll li se nitgħallem minn plejers ġodda u minn kowċis ġodda.  

Kif tqis il-livell tal-futbol Għawdxi fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?

Il-futbol matul is-snin inbidel ħafna. Hawn aktar nurseries fejn it-tfal jistgħu jimirħu, hawn ħafna dedikazzjoni min-naħa tal-kowċis u l-istandards kibru għax hemm aktar serjetá li jirrifletti fil-futbol.

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Grawnds tista’ tgħid li hemm kważi f’kull lokalitá allura l-plejers kollha jistgħu jsibu aċċess biex jagħmlu t-taħriġ tagħhom u jżommuhom f’kundizzjoni tajba fl-opinjoni tiegħi.  Jidher li qed jippruvaw itejbu l-kwalitá izda dejjem hemm lok għal titjib.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Nixtieq li nikber mentalment u fiżikament u nitla’ aktar fil-livell tal-futbol Għawdxi u forsi anke Malti.  Il-mira tiegħi din is sena bħalma għidtlek fil-bidu hija li nirbħu l-istaġun li ġej … ikun unur għalija u għas-Sannatin kollha!

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Il-messaġġ tiegħi huwa wieħed sempliċi li int tibqa’ taħdem u tkun konsistenti, u tmur għat-taħriġ. .. it-talent huwa importanti ħafna imma importanti wkoll id-dixxiplina.  Matul is-snin tgħallimt ukoll li se jkollok diżappunti imma qatt m’għandek taqta’ qalbek u ibqa’ miexi ‘l quddiem!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport