Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-OCR?
Kienet il-kuġina tiegħi Nirvana Duca li ressqitni lejn l-isport tal-OCR u dak il-ħin mill-ewwel ħassejt li dan kien proprju l-isport tiegħi.
Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. X’tikkummenta fuq is-suċċess li ksibtu bħala Team Malta fl-Iżvezja fil-jiem li għaddew?
Bħala Team Malta fiċ-ċokon tagħna żgur li kellna prestazzjoni tajba fejn fit-tiġrija ta’ tliet kilometri, il-ħabiba tiegħi Emily Vella rnexxielha tieħu l-midalja tal-bronż kif ukoll Hannah Spiteri, u atleti oħra flimkien miegħi kellna riżultati tajbin.
U x’tikkummenta fuq il-fatt li rnexxielek tagħmilha mal-aqwa 16-il atleta fid-dinja fil kategorija tiegħek?
Kuntenta ħafna li rnexxieli niġi mal-aqwa 16 fid-dinja kif ukoll l-aqwa atleta femminili Maltija fil-100m. Kuntenta iktar meta din diġá għamiltha fil-Kampjonati Ewropej tal-OCR ġewwa l-Portugall. Inkompli nitħarreġ u nirsisti biex nipprova ntejjeb il-ħin fil-karriera tiegħi.
X’tikkummenta fuq il-kowċ, Julian Briffa?
Julian flimkien ma’ Meariad Ciantar huma kollox għalija. Żgur li dan kollu ma kienx iseħħ mingħajr l-għajnuna tagħhom tul is-sena kollha fejn jippreparawni kemm fiżikament kif ukoll mentalment.
Kif tqis il-livell tal-OCR f’pajjiżna?
Meta nara r-riżutati li aħna l-atleti ż-żgħar qed inġibu llum, żgur li fil-futur għandu jkun ta’ livell ogħla.
U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?
Jiena nitħarreġ mat-tim ‘The Club’ li nħoss li bħala taħriġ huwa ta’ livell għoli. Bħala kompetizzjonijiet jiena nikkompeti fil-Youth OCR League.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-OCR?
Nibqa’ ffukata fit-taħriġ tiegħi biex intejjeb ir-riżultati kemm lokalment kif ukoll barra l-pajjiż.
Għaddi messaġġ finali lil kull min jixtieq jibda jipprattika l-OCR.
Il-messaġġ tiegħi huwa li l-OCR huwa sport li jgħinek kemm mentalment kif ukoll fiżikament. Inħeġġeġ bis-sħiħ lil kull min jixtieq jibda sport għax għalija dan l-isport m’hawnx isbaħ minnu!