Saturday, November 23, 2024

Kuntistabbli tal-Pulizija b’passjoni kbira lejn il-mużika

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Miktub minn MARIA AZZOPARDI

In-nisa għandhom rwol vitali ħafna u għandhom post sinifikanti fis-soċjetà. Leanne Farrugia, li għandha sebgħa u għoxrin sena, hija Kuntistabbli tal-Pulizija, b’passjoni kbira lejn il-mużika. Fil-fatt hija tifforma parti mill-Banda tal-Korp tal-Pulizija wkoll. 

Ta’ tmien snin bdiet titgħallem il-mużika mal-banda tar-raħal, fejn hemmhekk bdiet titgħallem iddoqq is-saxophone soprano u propju sena wara, fl-2001 ħarġet iddoqq mal-Għaqda Karmelitana Banda Queen Victoria taż-Żurrieq taħt id-direzzjoni tas-surmast Alfred Farrugia. Leanne kompliet l-istudji tagħha ġewwa l-Iskola tal-Mużika Johann Strauss li dak iż-żmien kienet sitwata ġewwa l-Belt Valletta, kemm fil-prattika mas-Sur Joseph Vella u anke fit-teorija tal-mużika, li tagħhom ukoll għamlet eżamijiet ta’ barra u ksibt ċertifikati mil-London College of Music. 

F’intervista ma’ inewsmalta Leanne titkellem dwar il-karriera tagħha filwaqt li tgħaddi messaġġ lil dawk in-nisa kollha li forsi jaqtgħu qalbhom biex jagħmlu karriera. Hija tistqarr li ġewwa pajjiżna tħoss li saru passi ta’ ġgant fejn tidħol il-mużika. Leanne tgħid li fil-preżent qegħdin żewġ nisa kuntistabbli li jiffurmaw ukoll parti mill-Banda tal-Korp tal-Pulizija u għalkemm qegħdin fil-minoranza, tixtieq tara aktar preżenza femminili.

Fl-2014 ingħaqdet mal-Korp tal-Pulizija ta’ Malta u fl-2019 gradwat mill-Università ta’ Malta b’Diploma fil-Proċedura tal-Liġi. 

Minn fejn nibtet l-imħabba tiegħek lejn il-mużika?

Il-mużika minn dejjem kienet preżenti f’ħajti għax tista’ tgħid li kbirt fiha. Minn ta’ età żgħira kont nara lil missieri dejjem idoqq mal-baned fil-festi madwar Malta u kienet ukoll l-għena tiegħi li nakkumpanjah kull fejn kien imur idoqq. Dak huwa fattur kbir li sal-ġurnata tal-lum għadni nħobb il-festa Maltija u l-baned tradizzjonali li jnissluli nostalġija speċjalment bil-ħoss tal-marċi tradizzjonali tagħhom. 

Kif toħloq bilanċ bejn il-karriera ta’ Pulizija u dik tal-mużika? Kemm hija importanti l-mużika f’ħajtek anke biex tirrilassa mix-xogħol?

Nemmen li meta f’ħajtek ikollok passjoni għal xi ħaġa kwalunkwe, li fil-każ tiegħi hija l-mużika, bilanċ u ħin se ssib dejjem. Fejn ikun possibli nippjana kif ser inqassam il-ħin minn qabel għax b’hekk inħoss li nkun iktar produttiva f’dak li nagħmel. Jiena nħoss li kieku m’għandix il-mużika f’ħajti m’inhiex il-persuna li jiena llum għax apparti li ġġiegħlek tirrilassa mill-ħajja ta’ kuljum, tnessik ftit miċ-ċirkostanzi li niltaqgħu magħhom ta’ kuljum speċjalment fix-xogħol tagħna ta’ Pulizija. 

X’inhi l-opinjoni tiegħek dwar nisa li jesprimu x-xewqa li jridu jagħmlu karriera kemm fil-kamp mużikali kif ukoll bħala Pulizija?

Tista’ tgħid li llum il-ġurnata ħafna min-nisa saru jfittxu li jkollhom karriera daqs kemm ifittxu li jkollhom karriera l-irġiel. Illum hawn ħafna fejn persuna tista’ tibqa’ tistudja u żżomm ruħha aġġornata filwaqt li tkun qed tagħmel karriera. Karriera fil-Pulizija u karriera fil-mużika fihom is-sabiħ tagħhom it-tnejn li huma. Kif diġà semmejt qabel, il-Pulizija għandha l-banda tagħha li dan l-aħħar saret tagħti diversi kunċerti b’ripertorji u ġeneri differenti u għalhekk il-prattika fil-mużika ma taqta’ xejn. Huwa ta’ unur li sservi lil pajjiżek, mhux biss fix-xogħol pulizjesk ta’ kuljum iżda biex ukoll tpaxxi l-widnejn tal-udjenza li jkollok quddiemek. 

X’messaġġ tixtieq tgħaddi lil dawk in-nisa li jistgħu jaqtgħu qalbhom milli jagħżlu karriera fil-mużika u dik ta’ Pulizija minhabba forsi gudizzju tan-nies? Kif tiddeskrivi l-esperjenza personali tiegħek u xi sfidi ltqajt magħhom?

Naf u nifhem li forsi jkun hawn nisa li jaqtgħu qalbhom, pero dan m’għandux ikun, anzi ngħidilhom imxu ma’ dak li tħoss qalbkom. Fil-preżent qegħdin żewġ nisa kuntistabbli li niffurmaw ukoll parti mill-Banda tal-Korp tal-Pulizija u għalkemm qegħdin fil-minoranza, nixtieq nara aktar preżenza femminili. Illum il-ġurnata d-diskrimazzjoni bejn in-nisa u l-irġiel inħoss li qiegħda tonqos ukoll, fil-fatt anke n-numru ta’ kuntistabblijiet nisa qiegħed dejjem jiżdied. 

Sfortunatament ma’ sfidi tiltaqa’ wkoll. Issib min jidħaq bik jew jarak taħt lenti oħra għax sempliċiment tkun tifforma parti mill-banda, mingħajr forsi ma jirrealizzaw is-sagrifiċċji u l-ħinijiet twal li nagħmlu ‘l bogħod mill-familja biex jittella’ kunċert ta’ livell. Nitkellem għalija personali, jkun hawn min ma jirrealizzax kemm ġew investiti flus fi studji, eżamijiet u xiri ta’ strumenti u kif ukoll il-ħinijiet ta’ studju u d-dedikazzjoni biex titgħallem il-mużika. Pero sapport u persuni li japprezzaw dan kollu sibt ukoll, mhux biss minn membri fil-Korp stess, iżda anke wkoll mill-pubbliku. 

X’taħseb li huwa l-futur tal-mużika u b’mod personali xi ħsibijiet għandek għall-ġejjieni f’dak li għandu x’jaqsam mal-karriera tiegħek?

Ġewwa pajjiżna nħoss li sar pass ta’ ġgant fejn tidħol il-mużika, għalkemm dejjem hemm xi jsir biex dak li diġà nbena jibqa’ jissoda. Illum hawn ħafna għalliema tal-mużika professjonali f’pajjiżna u ħafna minn dawn dejjem jaħdmu biex irawwmu l-imħabba lejn il-mużika fit-tfal minn ta’ età tenera. B’hekk f’pajjiżna dejjem ikollna mużiċisti ta’ kwalità u futur mill-isbaħ għall-mużiċisti Maltin. Nixtieq illi fl-iskejjel tiżdied il-ħidma biex il-mużika tingħata aktar l-importanza tagħha, għax għalkemm il-mużika minnha nnifisha fiha s-sabiħ tagħha, għandha wkoll benefiċċji oħra. 

Fuq livell personali nista’ ngħid li jiena naspira li dejjem nibqa’ nitgħallem u ninforma ruħi u ma neskludix li nibqa’ anka navvanza fil-Korp tal-Pulizija.  

Min hi Leanne Farrugia?

Fl-2008 kellha l-opportunità li tibda titgħallem iddoqq l-oboe, fejn bdiet it-taħriġ taħt is-Sur John McDonough. Dan l-istrument minn dejjem kien jaffaxxinaha u li fortunatament minn hemm kellha ħafna opportunitajiet u esperjenzi sbieħ u ta’ sodisfazzjon ukoll. Fl-2011 ingħaqdet mal-Orkestra Nazzjonali taż-Żgħażagħ taħt id-direzzjoni tal-mibki Mro. Joseph Vella, fejn kien ikollha ċans li ddoqq bosta ripertorji b’mod speċjali dawk klassiċi. Hija tistqar li l-esperjenza u ż-żmien li għamlet parti mill-orkestra għallmitha ħafna mhux biss mużikalment iżda kisbet ukoll anka ċerta kunfidenza li kull mużiċist għandu jħoss fih, speċjalment waqt prestazzjoni mużikali. Apparti li kienu jiġu mtellgħin kunċerti, kien ikollhom ċ-ċans li jaħdmu f’workshops ma’ mużiċisti professjonali u internazzjonali. Fl-2012 u fl-2013 kellha wkoll l-opportunità li ddoqq mal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta f’kunċerti konġuntivi li dawn isiru parti mill-qofol ta kunċerti mill-Orkestra Nazzjonali taż-Żagħżagħ taħt diretturi mużikali internazzjonali u ta’ fama mondjali. Hija kellha anka l-opportunità li ddoqq barra minn xtutna, fosthom fl-Italja, il-Greċja u l-Ġermanja.

Sport