Farhan Najm, kuntrattur, ġie mmultat €10,500 wara li nżamm responsabbli għal inċident li kien seħħ fil-31 ta’ Ottubru tal-2020. Dakinhar kien weġġa’ Abdurahman Ramadan Hreth, ġuvni ta’ 16-il sena li jiġi l-kuġin ta’ Najm hekk kif kien waqa’ minn għoli f’sit ta’ kostruzzjoni fis-Swieqi. Kawża ta’ dan l-inċident il-ġuvni kien ġie ċċertifikat li jinsab fil-periklu tal-mewt.
Dwar dan l-inċident kienu tressqu żewġ Sirjani l-Qorti. Mohammed Khair Waqaa residenti Ħaż-Żabbar u Farhan Najm residenti Raħal Ġdid. Huma kienu ġew akkużati li naqsu li jħarsu s-sigurtà tal-impjegati tagħhom.
Il-każ kien qiegħed jinstema quddiem il-Maġistra Kevan Azzopardi.
Il-Prosekuzzjoni fil-ġbir ta’ provi qalet li 3 ijiem qabel ma seħħ l-inċident uffiċjal tas-saħħa u sigurtà kien mar fuq il-post fejn innota li l-ħaddiema kienu qegħdin jgħaddu l-elettriku. Hu informa lill-ħaddiema li x-xogħol għandu jieqaf minħabba perikli li wieħed seta’ jaqa’ mill-għoli.
Il-Pulizija qalu fil-qorti li kienu rċivew rapport li kienet iddaħlet persuna l-isptar u tinsab fil-periklu tal-mewt wara li kienet waqgħet f’sit tal-kostruzzjoni.
Mill-ewwel investigazzjonijiet kien ħareġ li l-persuna li weġġgħet kien Abdurahman Ramadan Hreth u kellu 16-il sena. Meta l-kundizzjoni tiegħu ġiet għal aħjar kien ġie mitkellem mill-pulizija u kien qal li kien jaħdem ma’ kuġinuh Farhan Najm u li dan kien qabbdu jiksi.
Fil-proċeduri l-vittma xehed quddiem il-Qorti fejn ikkonferma taħt ġurament li kien ġie mqabbad jiksi minn kuġinuh u li kien l-istess persuna li kien qiegħed iħallsu għax-xogħol li jagħmel.
Il-Maġistrat fis-sentenza tiegħu qal li mill-provi ma rriżulta li Waqaa (wieħed mit-tnejn li tressqu l-Qorti) seta’ jinstab ħati u għalhekk illiberah minn kull akkuża. Iżda fl-istess qal li Najm kien instab ħati għax ġie ppruvat li kien hu li kien jagħti sturzzjonijiet lill-vittma dwar xogħol li għandu jsir.
Fis-sentenza l-Maġistrat ikkwota dak li qal il-perit li kien imqabbad fl-inkjesta fejn kien stqarr li “hemm kull indikazzjoni jew suspett li l-ħaddiema fuq is-sit ma kinux reġistrati mal-Jobsplus u jagħmlu l-attivitajiet tagħhom ta’ xogħlijiet ‘under the radar’ mingħajr kontroll tal-awtoritajiet konċernati”.
Kien għalhekk li l-Maġistrat Azzopardi mmulta lil Farhan Najm €10,500.