Tuesday, May 14, 2024

Kuntrattur mixli bi frodi ta’ miljuni t’ewro kien irreġistrat li jgħix f’post mhux abitabbli

Aqra wkoll

Hemm biżżejjed evidenza prima facie biex Martin Farrugia u Henriette Cassar, li bħalissa qed jiġu akkużati b’ħasil ta’ flus u frodi ta’ miljuni kbar ta’ ewro, jitqiegħdu taħt att ta’ akkuża. Dan kien dikjarat fil-Qorti, waqt is-seduta ta’ nhar it-Tnejn li għadda, ippreseduta mill-Maġistrat Leonard Caruana.

Fix-xhieda li taw għadd ta’ uffiċjali mill-Uffiċċju tal-Kummissarju għad-Dħul instema’ kif Cassar bl-ebda mod ma kienet irreġistrata mal-VAT filwaqt li Farugia kien iddikjara parti mid-dħul. Wieħed mill-uffiċjali tad-Dipartiment tal-VAT ippreżenta erba’ kaxxi mimlijin bid-dokumenti, inkluż 53 ktieb tal-irċevuti u l-allegati irċevuti frawdolenti.

Il-Prosekuzzjoni qalet li l-indirizz li kellu Farrugia fuq il-karta tal-identità tiegħu kien jirreferi għal-lokalità b’art mhux abitabbli u li kienet qed tinkera minn persuna oħra. Hija kompliet tgħid ukoll li minn investigazzjonijiet intensivi li saru mill-Pulizija, fejn ġew interrogati madwar 44 klijent/a tal-akkużati, Farrugia kien jitlob lill-klijenti tiegħu jħallsuh bi flus kontanti.

Fid-dawl ta’ dan kollu, l-Avukat Ġenerali (AĠ) Abigail Caruana Vella qalet li l-Prosekuzzjoni ma sabitx oġġezzjoni biex Cassar tingħata l-ħelsien mill-arrest (BAIL), però sabet oġġezzjoni għal Farrugia.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Joseph Xerri bl-għajnuna tal-Avukat Ġenerali (AĠ) Caruana Vella.

L-avukati Franco Debono u Francesca Zarb dehru għal Cassar filwaqt li l-avukati Dominic Micallef u Etienne Borg Ferrante dehru għal Farrugia.

L-avukati Arthur Azzopardi, Jacob Magri, Stefano Filletti, Ramona Attard u Adrian Sciberras qed jidhru għall-parte civile.

Il-każ ikompli f’Ġunju.

Sport