Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-handball?
Bdejt meta kelli 13-il sena. Kont ilni nilgħab futbol għal seba’ snin meta ddeċidejt li nipprova sport ġdid. Esprimejt l-interess tiegħi li nibda l-handball lill-għalliem tal-isport tiegħi, u laqqagħni ma’ Alan Grima. Bis-sahha tiegħu li bdiet u kibret l-imħabba tiegħi ghall-isport u l-klabb, kif ħafna studenti ta’ De La Salle bħali esperjenzaw tul is-snin.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ LA Salle HC sa issa u r-rwol tiegħek bħala captain tal-istess tim.
Issa li ilni nilgħab handball iżjed minn 14-il sena mal-istess klabb, huwa unur kbir li mmexxi lit-tim tal-irġiel. Dawk kollha li kienu hemm qabli kienu kollha ta’ ispirazzjoni kbira biex inkun fejn qiegħed issa: Andrew Said, Maurice Meli u Chris Magro. Kollha kemm huma urewni x’jiġifieri terfa’ din ir-responsabbiltá tant prestiġjuza u nixtieq li qed nagħti l-istess eżempju għal min se jkun hemm warajja. Hija xewqa kbira tiegħi li xi darba mmexxi t-tim għat-titlu tal-kampjonat.
Iddeskrivi l-esperjenza mat-tim nazzjonali Malti tal-handball.
Kull darba li tlajt nikkompeti mat-tim nazzjonali Malti, dejjem kienet esperjenza indimentikabbli. Minn kemm ilni involut saru ħafna tibdiliet, kemm fil-plejers u anke fil-kowċis. L-aħħar sena dħalna fi proġett ġdid, u nittama li mal-kowċ il-ġdid immexxu il-livell Malti ‘l quddiem. Hemm ħafna plejers żgħar telgħin li qegħdin jippromettu, u nispera li nkun involut ‘il quddiem biex ngħinhom jibbrillaw.
Kif tqis il-livell tal-handball lokali fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?
Il-livell tal-kampjonat tal-handball Malti tal-irġiel bħalissa huwa wieħed b’saħħtu, avolja jista’ jkun aħjar. Il-maġġoranza tal-klabbs Maltin qed jaħdmu biex ikunu aħjar mill-oħrajn, u indirettament jimmotivaw lill-oħrajn biex jitjiebu. Il-logħba nbidlet matul iż-żmien. Bħal ħafna sport ieħor, evolva u sar sport atletiku ħafna, anke hawn Malta. Avolja m’aħniex l-itwal, inpattu fil-ġiri.
U dak tar-riżorsi (courts) fejn tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Ta’ spiss ikollna naħdmu kontra l-kurrent biex ikollna biżżejjed riżorsi bejn kulħadd, u mhux dejjem ikun possibli li nitħarrġu fl-aqwa ambjent.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-handball?
Avolja l-handball f’Malta huwa livell ‘amateur’, huwa parti kbira minn ħajti u neħodha bis-serjetá ħafna. Immur il-gym b’mod regolari biex nevita kemm jista’ jkun injuries, avolja ħafna fatturi mhumiex fil-kontroll tiegħi. Nixtieq nibqa’ nilgħab għal ħafna snin oħra b’livell għoli, sakemm jifilħu saqajja!
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-handball.
Għal min jixtieq jibda l-handball, l-iżjed ħaġa importanti hija li tieħdu pjaċir tilagħbu l-isport. Kunu umli, irrispettaw lill-plejers tat-tim tagħkom stess u anke ta’ kontrikom, u isimgħu mill-kowċ. Jekk ikolkom opportunitá li tilagħbu barra minn Malta imqar għal sena, ħudu l-opportunitá, għax din toffri esperjenza kbira, kemm fil-handball, u anke biex titgħallem iżjed fl-atteġjament tiegħek innifsek f’post li m’intix familjari jew komdu fih. Jien kelli l-opportunitá li nqatta’ ftit zmien nilgħab f’Sardinja u l-Ungerija, u tgħallimt hafna, kemm mill-aspett tal-handball u anke fuq il-ħajja ta’ kuljum, avolja ma kinitx faċli li nħalli l-kumditá ta’ pajjiżi!