Tqum f’nofs ta’ lejl jew filgħodu u tħossok ma tiflaħx. Tkun miexi fit-triq jew għaddej bix-xogħol meta tħoss għafsa f’sidrek. Tkun qiegħed tiddeverti u f’daqqa waħda tħoss sturdament. Il-ġisem iċedi u tesperjenza sinjali ċari li hemm xi ħaġa ħażina. Huma f’dawn il-mumenti li nirrikorru għall-kura u meta jkun il-bżonn, immorru l-isptar jew fl-aktar poliklinika viċin għall-kura. Fil-fatt, wieħed mill-akbar ġid li għandna f’pajjiżna huwa proprju s-servizz tas-saħħa bla ħlas għal kulħadd fejn kull persuna għandha dritt għal kura medika moderna u aċċessibbli bla ma tmiss xejn mill-but. Dritt li tana l-Perit Dom Mintoff li f’ħafna pajjiżi oħra mhuwiex garanzija… mhuwiex privileġġ.
Biss biss insemmu pajjiżi kbar u b’saħħithom fl-Unjoni Ewropea stess. Fil-Ġermanja ċ-ċittadini jridu ta’ bilfors iħallsu assigurazzjoni. Din hija obbligatorja li tiswihom mijiet ta’ ewro fix-xahar. Mentri, fl-Italja, minkejja li hemm sistema tas-saħħa pubblika, il-pazjenti ħafna drabi jkollhom iħallsu biex isirulhom testijiet u proċeduri mediċi. L-istess testijiet u proċeduri li kull wieħed u waħda minnha ngawdu minnhom meta niġu bżonnhom. Malta toffri kura universali u bla ħlas, sistema mibnija fuq solidarjetà u ugwaljanza. Sfortunatament nemmnu li ftit huma konxji u japprezzaw biżżejjed dan il-fatt.
Meta nagħtu ħarsa lejn id-Dokument ta’ qabel il-Budget 2026 naraw kif il-Gvern qiegħed ikompli jħares lejn is-saħħa pubblika bħala prijorità nazzjonali. Dan permezz ta’ aktar fondi għal isptarijiet u kliniċi, permezz ta’ viżjoni fit-tul li tqiegħed il-bniedem fiċ-ċentru. Mater Dei u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex se jaraw titjib f’attrezzar modern u unitajiet speċjalizzati biex it-trattamenti jkunu aktar avvanzati u b’ħinijiet iqsar ta’ stennija. Diġà rajna kif il-listi ta’ stennija naqsu grazzi għall-investiment ta’ €16-il miljun f’servizzi mediċi esternalizzati. Barra minnhekk, proġetti ta’ digital health u l-portal myHealth li jintuża minn aktar minn 220,000 persuna, se jissaħħu permezz ta’ app uffiċjali fis-sena d-dieħla.
Il-viżjoni tal-Gvern hija ċara wkoll fil-kura primarja u fil-komunità. Qegħdin jitwaqqfu kliniċi fil-komunità ġodda f’lokalitajiet bħas-Siġġiewi u l-Mosta biex is-servizzi jkunu eqreb lejn in-nies. Dan jgħin biex jitnaqqas il-piż fuq l-isptarijiet u fl-istess waqt iressaq il-kura fejn tassew hija meħtieġa. F’Għawdex l-MRI ġie introdott għall-ewwel darba fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u hemm pjanijiet għal helipad kif ukoll sezzjoni tal-kliewi biex l-isptar ikun aktar komplut u kompetittiv.
Għal darb’oħra qiegħda tingħata importanza speċjali lill-anzjani tagħna. Dan b’appoġġ fil-kura fid-djar, servizzi ġodda fiċ-ċentri tal-komunità, riformi fil-pensjonijiet u tisħiħ ta’ skemi ta’ carers u home helpers. Nemmnu li din it-tip ta’ politika mhux biss tappoġġja lill-anzjani nfushom iżda wkoll lill-familji. Illum il-piż fuq il-familji li jieħdu ħsieb l-anzjani tagħhom naqas sew u dan jagħti kwalità ta’ ħajja aħjar għal dawk kollha involuti. L-istess għajnuna narawha fil-programm tal-IVF li llum jinsab mingħajr listi ta’ stennija u li diġà ta tama lil mijiet ta’ koppji Maltin u Għawdxin.
F’dan id-dokument il-Gvern qiegħed jindirizza s-saħħa mentali li hija kruċjali fil-ħajja tal-lum. Dan qiegħed jagħmlu b’rinnovament fiċ-Ċentru ta’ Mount Carmel u b’faċilitajiet ġodda li jagħtu kura aktar umana u moderna. Fl-istess waqt qegħdin ikunu estiżi l-programmi ta’ prevenzjoni, edukazzjoni u stil ta’ ħajja sana b’kampanji fl-iskejjel u fil-komunità. B’għarfien dwar dieta u attività fiżika jista’ jiġi evitat mard kroniku bħad-dijabete u l-mard tal-qalb, mard pjuttost prevalenti f’pajjiżna. Nemmnu li tali għarfien minn etajiet bikrija u mifrux se jkompli jeħodna fid-direzzjoni t-tajba għal sistema tas-saħħa ta’ suċċess u pajjiż b’saħħtu.
Fuq dan il-pass Malta se tkompli tpoġġi s-saħħa fil-qalba tal-viżjoni tagħha. Dan mhuwiex biss investiment fl-isptarijiet jew fil-kliniċi iżda huwa wkoll investiment fina lkoll u f’uliedna. Nemmnu li meta mqabbla ma’ pajjiżi oħra fejn il-kura medika tibqa’ piż fuq il-but taċ-ċittadini, aħna verament għandna sistema li toffri sigurtà, dinjità u ugwaljanza għal kulħadd.
Is-saħħa tibqa’ l-ikbar pedament tal-benesseri soċjali u ekonomiku ta’ pajjiżna u għalhekk mhiex biss kwistjoni ta’ kura medika iżda kwistjoni ta’ ġustizzja soċjali u opportunità ugwali għal kulħadd. Għalhekk, meta nitkellmu fuq il-budget u l-miżuri tiegħu għandna nifhmu li s-saħħa hija l-akbar pilastru tas-soċjetà tagħna u hija l-akbar ġid li għandna. Importanti li napprezzawh u nibqgħu nħarsuh għax pajjiż li jħares is-saħħa taċ-ċittadini tiegħu huwa pajjiż li tassew iħares il-futur.