Wednesday, January 21, 2026

Kurt Borg … il-100 gowl tiegħu mhuwiex sempliċiment numru iżda rifless ta’ snin twal ta’ ħidma, determinazzjoni u konsistenza quddiem il-lasta

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Hekk kif l-istaġun ta-National Amateur League 1 qed ikompli joffri emozzjonijiet kbar matul dan l-istaġun 2025/26 wieħed mill-aktar mumenti memorabbli kien bla dubju dak li għex Kurt Borg, skorer prolifiku ta’ Victoria Hotspurs FC, meta skorja l-100 gowl tiegħu fil-karriera.

Dan it-tragward wasal waqt ir-rebħa kontra Xgħajra Tornadoes FC bl-iskor ta’ 2-0, gowl li mhux biss issiġilla riżultat importanti għat-tim Għawdxi, iżda wkoll poġġa isem Borg b’mod ċar fost dawk il-plejers li ħallew marka konsistenti fil-futbol Malti.

Il-100 gowl mhuwiex sempliċiment numru. Huwa rifless ta’ snin twal ta’ ħidma, determinazzjoni u konsistenza quddiem il-lasta.

“Mhux faċli tilħaq 100 gowl,” jammetti Borg f’intervista li ħadnilu ftit tal-ġranet ilu. “Hi xi ħaġa sabiħa ħafna, tragward personali li jġiegħlek tieqaf ftit u tirrifletti fuq dak kollu li għaddejt minnu.” Għalih, dan il-mument kien qisu qabeż limitu ieħor fil-karriera tiegħu, sodisfazzjon li jiġi biss wara ħafna sagrifiċċji.

Il-vjaġġ ta’ Kurt Borg fil-futbol Malti beda ma’ Valletta FC, klabb li għalih għandu rabta emozzjonali qawwija. “Jien Belti, u meta tkun mill-Belt, il-futbol huwa kważi reliġjon flimkien mal-karnival,” jgħid b’ċertu kburija. Ma’ VallettaFC tgħallem ħafna, mhux biss dwar il-logħba nnifisha iżda wkoll dwar id-dixxiplina u r-responsabbiltà li ġġorr meta tilbes dan il-flokk storiku.

Minn hemm, Borg kien misluf u lagħab ma’ diversi klabbs fosthom Zabbar St Patrick u Żebbug Rangers, esperjenzi li sawru l-mentalità tiegħu u għenuh jissaħħaħ bħala attakkant li jaf jiffaċċja sfidi differenti.

Matul is-snin, il-karriera tiegħu kompliet tinfirex ma’ timijiet bħal Lija Athletic, Żejtun Corinthians, Żabbar St Patrick FC, Mtarfa FC u eventwalment Victoria Hotspurs. Kull waħda minn dawn l-esperjenzi żiedet saff ieħor mal-personalità tal-futbol tiegħu.

“Dejjem kelli x-xamma tal-gowls fuqi,” jistqarr Borg. “Imma mhux biss istint, trid determinazzjoni u temmen fik innifsek anke meta l-affarijiet ma jiġux faċli.”

L-avventura tiegħu ma’ Victoria Hotspurs bdiet l-istaġun li għadda, li għalih kien wieħed ferm pożittiv. It-tim irnexxielu jikseb il-promozzjoni, rebaħ il-kampjonat u wkoll l-Amateur Cup, staġun li diffiċli jintesa. “Kien staġun sabiħ ħafna,” jgħid Borg. “It-tieni staġun tiegħi ma’ Victoria u diġà ksibna ħafna. Dan l-istaġun żidna miegħu wkoll it-tragward tal-100 gowl fil-karriera tiegħi.”

Meta mistoqsi dwar l-ambjent fi ħdan Victoria Hotspurs, Borg jitkellem b’ħafna rispett. “Hemm kollox, kważi daqs tim professjonali. Ma tistax tgerger. Hemm organizzazzjoni, hemm serjetà u hemm nies li jemmnu fil-proġett.” Jirrakkonta wkoll kif ġie milqugħ mill-ewwel jum: “Anke sħabi laqgħuni mal-ewwel, grupp sabiħ, kumitat li dejjem hemm warajna.”

Madankollu, il-ħajja tiegħu bħala plejer ta’ tim Għawdxi mhijiex dejjem faċli. Borg jgħix Malta u jrid jaqsam bejn iż-żewġ gżejjer b’mod regolari. “Is-sagrifiċċju li tivvjaġġa minn Malta għal Għawdex mhuwiex faċli,” jistqarr. “Jien naħdem fuq vannijiet u vjaġġi.

Mentalment il-ġurnata tiegħi tibda mill-4.30 ta’ filgħodu, immur il-garaxx, nipprepara u nagħmel il-vjaġġi bil-minibus. Wara nofsinhar inkompli naħdem, u t-tieni vjaġġ biex immur għat-taħriġ kultant tagħmlu t-tfajla tiegħi biex jien immur għat-taħriġ. Jekk ma jkollokx sapport tajjeb, ma tasalx.”

Dettall kurjuż fil-karriera tiegħu huwa l-laqam “Gamba”. Dan ġej min-nannu tiegħu. “Minn dejjem kont niġri fil-Belt,” jgħid b’tbissima. “Il-laqam baqa’ miegħi u sar parti minni.” Il-laqam jirrifletti wkoll il-mentalità tiegħu, plejer li ma jaqtax qalbu qatt u jibqa’ jiġġieled sal-aħħar minuta.

Fir-rigward tar-relazzjoni tiegħu mal-kollegi Mathias Conti u l-plejer Rondinely Monteiro fl-attakk, Borg jgħid li jħossu komdu ħafna. “Inħossni tajjeb ħafna magħhom. Hemm rispett u ftehim fuq il-grawnd u barra minnu mhux biss magħhom iżda ma’ sħabi kollha.”

Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, Borg għadda messaġġ lill-partitarji ta’ Victoria Hotspurs: “Għalkemm mhux Għawdxi, inħossni wieħed minnkom. Is-sagrifiċċju li naqsmu bejn Malta u Għawdex nagħmluh b’qalbna kollha. Il-partitarji dejjem warajna għax huma t-12-il plejer tagħna.”

Aspett ieħor li jagħti valur speċjali lill-istorja ta’ Kurt Borg huwa l-mod kif hu jirnexxielu jżomm bilanċ bejn il-ħajja personali, ix-xogħol u l-futbol kompetittiv. F’era fejn ħafna plejers jitkellmu dwar il-pressjoni u l-għejja mentali, Borg huwa eżempju ċar ta’ kif id-dixxiplina u l-imħabba lejn il-logħba jistgħu jegħlbu kull diffikultà.

Il-fatt li kuljum iqum kmieni, jaħdem sigħat twal u xorta jsib l-enerġija u l-konċentrazzjoni biex jittrenja u jilgħab f’livell għoli juri kemm il-futbol għalih mhuwiex passatemp, iżda parti integrali minn ħajtu.

Din il-mentalità tidher ukoll fil-mod kif jersaq lejn kull partita, dejjem b’sens qawwi ta’ responsabbiltà lejn it-tim u lejn dawk li jemmnu fih. Għal Borg, kull gowl huwa frott mhux biss tat-talent, iżda wkoll tas-sagrifiċċju ta’ dawk ta’ madwaru – il-familja, is-sieħba tiegħu u l-kollegi tax-xogħol li jifhmu l-impenji tiegħu.

Huwa għalhekk li t-tragward tal-100 gowl għandu tifsira ferm aktar profonda: huwa simbolu ta’ ħajja mibnija fuq impenn, perseveranza u fedeltà lejn il-ħolma li qatt ma abbanduna.

Il-100 gowl ta’ Kurt Borg għalhekk mhuwiex biss statistika, iżda storja ta’ determinazzjoni, sagrifiċċju u mħabba lejn il-futbol. Eżempju ċar għall-plejers iżgħar li juru li, b’konsistenza u professjonalità, anke l-iktar tragwardi diffiċli jistgħu jintlaħqu.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport