Saturday, December 21, 2024

Kurunell tal-Gwardji tar-Rivoluzzjoni Iżlamika assassinat f’Tehran

Aqra wkoll

Kurunell tal-Gwardji tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC) tal-Iran, ilbieraħ inqatel b’tiri ta’ arma tan-nar f’Tehran. Żewġt irġiel armati fuq mutur huma rrappurtati li sparaw lill-Kurunell Sayad Khodai ħames darbiet waqt li kien fil-karozza tiegħu ftit bogħod minn daru.

Ritratti li ttieħdu fuq il-post tad-delitt juru raġel mimli demm iggrunċjtat f’karozza biċ-ċinturin tas-sigurtà għadu fuqu.

Il-Kurunell Khodai kien membru anzjan tal-forza Quds — fergħa ‘elite’ esterna li kienet impenjata li twettaq operazzjonijiet barra mill-pajjiż. L-Istati Uniti kienet akkużat lill-forza Quds li tappoġġja organizzazzjonijiet terroristiċi u li hija responsabbli għal attakki madwar il-Lvant Nofsani.

Il-kelliem għall-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Iranjan, Saeed Khatibzadeh,  b’referenza għall-Istati Uniti u l-alleati tagħha, qal li l-Kurunell inqatel minn “għedewwa maħlufa” tal-Iran li huma “l-aġenti terroristiċi affiljati ma’ organizzazzjonijiet globali”. Huwa rrimarka wkoll illi pajjiżi oħra li jistqarru li qed jiġġieldu t-terroriżmu baqgħu siekta quddiem dan il-qtil.

Hekk kif ħarġet l-aħbar tal-qtil tal-Kurunell Khodai, l-aħbarijiet tal-istat Iranjan irrappurtaw li l-Gwardji Rivoluzzjonarji arrestaw network ta’ spiji Iżraeljani. Madankollu ma kien hemm l-ebda kumment uffiċjali mill-Iżrael dwar dan.

Dan il-qtil huwa stmat bħala l-akbar ksur tas-sigurtà fl-Iran mill-2020 ’l hawn meta kien inqatel xjenzat nukleari ewlieni; Khodai kien it-tieni mexxej  ta’ profil għoli tal-forza Quds li nqatel f’dawn l-aħħar snin. S’issa, ħadd għadu ma ħa responsabbiltà għall-attakk tal-bieraħ filwaqt li qed issir tfittxija għall-irġiel armati.

Fl-2020, l-ogħla kmandant militari tal-Iran, il-Ġeneral Qasem Soleimani, inqatel minn attakk mill-ajru tal-Istati Uniti fl-Iraq. Huwa kien mexxa l-operazzjonijiet militari Iranjani fil-Lvant Nofsani bħala kap tal-forza Quds, u l-mewt tiegħu ġabet eskalazzjoni kbira fit-tensjonijiet bejn l-Istati Uniti u l-Iran.

Fl-istess sena, ix-xjenzat nukleari Mohsen Fakhrizadeh inqatel f’Tehran. Fakhrizadeh, tant kien persunaġġ importanti li kien dejjem akkumpanjat minn diversi gwardji tal-persuna. Huwa kellu rwol kruċjali fil-programm nukleari tal-Iran iżda l-Gvern Iżlamiku-Iranjan kien jinsisti li l-attivitajiet u l-programm nukleari tiegħu kienu ta’ natura għalkollox paċifika.

Ekonomija

Sport