Tuesday, December 17, 2024

Kuxjenza dwar in-naħla ta’ Malta bħala l-insett nazzjonali ta’ pajjiżna permezz ta’ proġett sostnut mill-MCVS

Aqra wkoll

Wasal fil-qofol tiegħu proġett dwar in-naħla ta’ Malta, li permezz tal-Fondazzjoni għall-Konservazzjoni tan-Naħla Maltija ġiet iddikjarata bħala l-Insett Nazzjonali ta’ pajjiżna. L-għan primarju ta’ dan il-proġett huwa li jippromwovi din id-dikjarazzjoni bil-produzzjoni ta’ filmati professjonali edukattivi u kif ukoll numru ta’ taħdidiet fil-kunsilli lokali u dawk reġjonali. Dan il-proġett sar b’investiment ta’ €4,000 b’parti mill-fondi allokati mis-Small Initiative Support Scheme (SIS) amministrati mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat u beda f’Ottubru 2023.

F’konferenza stampa organizzata minn din l-għaqda, attendew il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat, Julia Farrugia, u l-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, Mauro Pace Parascandolo, biex isiru jafu aktar dwar dan il-proġett.

F’kumment, Dylan Farrugia, wieħed mill-amministaturi tal-Fondazzjoni għall-Konservazzjoni tan-Naħla Maltija, sostna l-importanza tal-fondi lejn it-twettiq ta’ dan il-proġett. Huwa wassal ukoll ringrazzjamenti lill-Kunsilli Reġjonali u Lokali li laqgħu lill-fondazzjoni sabiex itellgħu sensiela ta’ laqgħat informattivi lill-pubbliku fuq in-Naħla Maltija, u fuq il-bżonn tal-konservazzjoni tagħha u l-bijodiversità b’mod aktar usa’.

Min-naħa tagħha, il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat fissret l-importanza tal-ħidma li dawn l-għaqdiet qed iwettqu u kif huma se jkomplu jsibu lill-Gvern bħala spalla għalihom. “Dan il-proġett huwa eżempju ċar ta’ kif l-inizjattivi volontarji jistgħu jagħmlu differenza konkreta fil-ħarsien tal-wirt naturali tagħna u fl-edukazzjoni tal-komunitajiet tagħna. Permezz ta’ kollaborazzjoni bejn il-Gvern, il-volontarjat, u l-kunsilli lokali, qed niżguraw li n-Naħla ta’ Malta mhux biss tibqa’ simbolu ta’ identità nazzjonali imma wkoll ta’ sforzi sostenibbli għall-ħarsien tal-ambjent. Bħala Gvern, aħna determinati li nkomplu nappoġġjaw proġetti bħal dawn li jgħaqqdu lil kulħadd madwar l-għan komuni tal-konservazzjoni u l-integrazzjoni. Dan il-proġett juri wkoll l-importanza kruċjali tal-għaqdiet volontarji f’pajjiżna, li bil-ħidma tagħhom mhux biss iwasslu messaġġi ta’ għarfien imma jagħtu kontribut dirett lejn soċjetà aktar inklussiva, u sostenibbli.”

Il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, Mauro Pace Parascandalo, qal li huwa ta’ pjaċir li jinnota l-varjetà kbira ta’ proġetti li jiġu ffinanzjati bl-iskemi tal-Kunsill. Din hija wara kollox riflessjoni tax-xogħol kbir u varjat li jsir fis-soċjetà tagħna mill-għaqdiet, li bħall-Fondazzjoni għall-Konservazzjoni tan-Naħla Maltija huma attivi u ffukati fuq dak li jkunu qed iwettqu b’mod li jkompli jsaħħaħ id-diversità tas-settur.

Aktar informazzjoni dwar din u inizjattivi oħra tal-Kunsill minn maltacvs.org.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport