Saturday, May 17, 2025

Kważi 300 miljun persuna f’riskju ta’ mewt minħabba l-ġuħ

Aqra wkoll

Analiżi ġdida wriet kif l-insigurtà akuta tal-ikel qiegħda tkompli tiżdied b’rata allarmanti, bi kważi 300 miljun ruħ jinsabu f’riskju ta’ mewt minħabba l-ġuħ. 

Iż-żieda fil-kunflitti u t-tnaqqis fl-għajnuna umanitarja flimkien max-xokkijiet klimatiċi u ekonomiċi poġġew 13.7 miljun persuna oħra f’insigurtà kronika tal-ikel matul is-sena li għaddiet. 

Din hija s-sitt sena konsekuttiva li l-għadd ta’ nies li qed jaffaċċjaw “livelli għoljin ta’ insigurtà akuta tal-ikel” żdied, u laħaq il-295.3 miljun skont l-aħħar Rapport Globali dwar il-Kriżijiet tal-Ikel (GRFC). 

Din iċ-ċifra tirrappreżenta kważi kwart (22.6%) tal-popolazzjoni ta’ 53 pajjiż li kienu analizzati mill-GRFC. “L-intensifikazzjoni tal-kunflitt, iż-żieda fit-tensjonijiet ġeopolitiċi, l-inċertezza ekonomika globali u t-tnaqqis fil-finanzjament qed iżidu l-insigurtà akuta tal-ikel,” ingħad fir-rapport. 

In-nies li qed jaffaċċjaw l-akbar tnaqqis kroniku ta’ ikel – kif kategorizzat mill-Klassifikazzjoni Integrata tal-Fażi tas-Sigurtà tal-Ikel (IPC) appoġġjata min-Nazzjonijiet Uniti – aktar milli rdoppjaw is-sena li għaddiet. Aktar minn 95% tagħhom għexu fil-Medda ta’ Gaża jew fis-Sudan, għalkemm Haiti, il-Mali u s-Sudan t’Isfel kellhom popolazzjonijiet sinifikanti li kienu qed isofru nuqqasijiet ta’ ikel simili.

L-esperti tal-GRFC identifikaw is-sigurtà tal-ikel bħala li sejra għall-agħar f’19-il pajjiż li fil-parti l-kbira tagħha hi kkawżat mill-kunflitti bħal dawn fil-Myanmar, in-Niġerja u r-Repubblika Demokratika tal-Kongo.  

Din l-insigurtà, qalu l-esperti, kienet aggravata mill-kriżi klimatika b’kundizzjonijiet ta’ nixfa li qed jiggravaw f’partijiet tal-Etjopja, il-Kenja u s-Somalja kif ukoll fl-Afganistan l-Pakistan. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport