Sunday, December 22, 2024

Kważi 47% tal-adulti bejn it-18 u 69 sena ħadu xi forma ta’ edukazzjoni jew taħriġ fl-2022

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

Matul ix-xhur tas-sena 2022, 46.8 fil-mija tal-individwi ħadu sehem f’diversi forom ta’ edukazzjoni jew taħriġ formali u/jew mhux formali. Dan irriżulta minn stħarriġ immirat għall-adulti ta’ bejn it-18 u d-69 sena li jgħixu fi djar privati madwar Malta u Għawdex. 

Għal dan l-istħarriġ, il-grupp ta’ età kkunsidrat ġie estiż peress li, f’ċikli passati l-popolazzjoni kkunsidrata kienet tinkludi persuni adulti ta’ età minn 25 sa 64.

L-Istħarriġ dwar l-Edukazzjoni tal-Adulti (AES) għandu l-għan li jiġbor data dwar il-parteċipazzjoni tal-adulti f’diversi forom ta’ edukazzjoni u taħriġ: formali, mhux formali u informali. Dan l-istħarriġ, li sar fl-2023, jirreferi għas-sena 2022, u jiġi implimentat fuq livell nazzjonali skont ir-regolamenti tal-UE.

Fl-2022, kien hemm 24.3 fil-mija li fittxew tagħrif dwar possibbiltajiet ta’ tagħlim. Dan il-persentaġġ kien ftit ogħla għan-nisa, b’26.8 fil-mija tan-nisa f’dak il-grupp ta’ etajiet, meta mqabbel ma’ 22.1 fil-mija tal-irġiel.

Meta nqasmu bil-gruppi tal-età, il-persentaġġ ta’ persuni li fittxew tagħrif dwar il-possibbiltajiet ta’ tagħlim żdied mal-gruppi iżgħar tal-età. L-ogħla rata kienet fost dawk bejn it-18 u l-24 sena, bi 43.6 fil-mija jfittxu t-tagħrif.

Fl-2022, 18.0 fil-mija ħadu xi tip ta’ gwida dwar l-opportunitajiet ta’ tagħlim. L-aktar tip ta’ gwida komuni kienet tinvolvi konsulenza jew pariri, li ħaduha 14.0 fil-mija tal-persuni. L-iskrinjar jew l-evalwazzjoni tal-ħtiġijiet individwali tat-tagħlim kienu inqas komuni, b’7.1 fil-mija jgħaddu minn tali gwida.

L-inqas forma komuni ta’ gwida kienet pariri jew għajnuna dwar il-validazzjoni jew ir-rikonoxximent ta’ ħiliet, kompetenzi, jew tagħlim preċedenti, li kienu esperjenzati minn 5.8 fil-mija.

Kważi 60 fil-mija ta’ dawk li fittxew gwida dwar l-opportunitajiet ta’ tagħlim fl-2022 għamlu dan permezz ta’ istituzzjonijiet tal-edukazzjoni jew tat-taħriġ. Barra minn hekk, 37.5 fil-mija fittxew gwida mingħand dawk li jħaddmu jew li jistgħu jħaddmu, filwaqt li 21.8 fil-mija fittxew gwida mis-servizz pubbliku tal-impjiegi.

28.0 fil-mija fittxew gwida permezz ta’ istituzzjonijiet jew organizzazzjonijiet oħra, b’aktar minn tip wieħed ta’ istituzzjoni jew organizzazzjoni possibilment ikunu aċċessati.

Proporzjon kbir ta’ dawk li kienu qed ifittxu gwida għamlu dan permezz ta’ metodi li joffru komunikazzjoni ma’ persuna, bħal laqgħat wiċċ imb wiċċ, applikazzjonijiet ta’ vidjokonferenzi, telefown, jew email. 

Sadattant, 44.1 fil-mija fittxew gwida mingħajr komunikazzjoni umana, bħal dik ta’ bots jew robots tal-internet u applikazzjonijiet awtomatiċi online, b’aktar minn tip wieħed ta’ komunikazzjoni possibbilment użata.

Ekonomija

Sport