Monday, November 11, 2024

Kwazi 60,000 student jattendu l-iskola minn primarja sas-sekondarja bejn 2022 u 2023

Aqra wkoll

Fis-sena akkademika 2022-2023, l-istudenti rreġistrati fl-edukazzjoni ta’ qabel il-primarja, tal-primarja u tas-sekondarja kienu jgħoddu mad-59,491 dan ifisser żieda ta’ 1.9% fuq is-sena akkademika taʼ qabel.

Dan ħareġ minn statisika li ġiet ippubblikata mill-NSO dwar l-edukazzjoni f’pajjiżna.

L-istatisika tgħid li l-maġġoranza tal-istudenti rreġistrati fl-edukazzjoni ta’ qabel il-primarja, tal-primarja u tas-sekondarja kienu subien – 51.9%. Matul is-sena akkademika 2022-2023, 45.8 fil-mija tal-istudenti rreġistrati kellhom bejn 5 u 10 snin, filwaqt li 37.6% tal-istudenti kellhom bejn 11 u 15-il sena.

Fi stqarrija l-NSO jgħid li l-istituzzjonijiet immexxija mill-Istat irrappreżentaw 59.4% tar-reġistrazzjonijiet kollha. Dawn kienu segwiti mill-iskejjel tal-knisja b’26.9%, filwaqt li studenti rreġistrati fi skejjel indipendenti ammontaw għal 13.7% tar-reġistrazzjonijiet kollha f’dawn il-livelli.

Matul is-sena skolastika 2022-2023, l-għadd sħiħ ta’ studenti rreġistrati fl-edukazzjoni obbligatorja kien ta’ 49,916. Minn dawn, 54.8% attendew l-iskola primarja, filwaqt li l-45.2% l-oħra attendew l-iskola sekondarja. Meta mqabblin mas-sena akkademika ta’ qabel, l-istudenti żdiedu b’1.1% u 2.7% fl-iskejjel primarji u sekondarji, rispettivament.

Id-daqs medju tal-klassi għall-iskejjel kollha fil-livell primarju kien ta’ 18.6-il student għal kull klassi, u 19.2-il student għal kull klassi fil-livell sekondarju. Meta ġie analizzat id-daqs tal-klassi skont it-tip ta’ skola, fl-iskejjel tal-Istat dehru l-inqas daqsijiet tal-klassi kemm fil-livell primarju kif ukoll f’dak sekondarju, filwaqt li l-iskejjel tal-knisja kellhom l-ogħla daqsijiet medji tal-klassi fiż-żewġ livelli.

L-NSO tkompli tirraporta li fl-2022-2023, id-distrett li jilqa’ fih l-akbar għadd ta’ livelli ta’ skejjel kien id-Distrett tat-Tramuntana tal-Port – 34.0%, segwit mid-Distrett tan-Nofsinhar tal-Port – 18.9%.

Sadattant, il-maġġoranza tal-istudenti attendew skejjel li jinsabu fid-Distrett tat-Tramuntana tal-Port – 37.7%, segwiti mid-Distrett tan-Nofsinhar tal-Port – 16.6%. B’7.1% tal-istudenti, id-distrett ta’ Għawdex u Kemmuna kellu fih l-iżgħar persentaġġ ta’ studenti mill-għadd kollu.

Id-Distrett tat-Tramuntana tal-Port kellu joqogħdu fih aktar minn kwart tal-istudenti – 26.8%, filwaqt li 19.4% tal-istudenti kienu joqogħdu fid-Distrett tat-Tramuntana.

Aktar minn żewġ terzi tal-istudenti attendew skejjel li qegħdin fid-distrett ta’ fejn joqogħdu – 68.9%. Bil-maqlub ta’ dawn, 31.1% tal-istudenti marru għall-iskola f’distrett ieħor.

L-NSO jirraporta wkoll li matul l-2022-2023, l-għadd ta’ studenti mhux Maltin irreġistrati fl-edukazzjoni ta’ minn qabel il-primarja sas-sekondarja żdied bi 15.6% meta mqabbel mas-sena akkademika ta’ qabel. Il-biċċa l-kbira tal-istudenti mhux Maltin attendew istituzzjonijiet immexxija mill-Istat jew privati. Wieħed minn kull erbaʼ studenti li kienu rreġistrati fʼistituzzjonijiet privati ma kinux Maltin – 25.0%, filwaqt li dawn ammontaw għal 21.1% fl- istituzzjonijiet immexxija mill-Istat. Il-maġġoranza assoluta tal-istudenti rreġistrati f’istituzzjonijiet immexxija mill-Knisja kienu Maltin – 99.0%. Matul l-2022-2023, 63.5% tal-istudenti mhux Maltin irreġistrati fl-edukazzjoni ta’ minn qabel il-primarja sas-sekondarja kienu ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

L-NSO ttemm tgħid li meta tagħti ħarsa lejn il-lingwi studjati mill-istudenti rreġistrati fil-livell sekondarju turi li t-Taljan kien l-aktar lingwa popolari, bʼaktar minn nofs l-istudenti jitgħallmuha – 54.5%. L-inqas minn kwart tgħallmu l-Franċiż – 24.3%, filwaqt li 15.2% tgħallmu l-Ispanjol u 12.4% tgħallmu l-Ġermaniż.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport