Tuesday, December 24, 2024

Kważi 700 telefonata relatati mas-sigurtà online matul l-2021

Aqra wkoll

Tnediet is-seba’ edizzjoni tal-proġett BeSmartOnline, bil-għan li dan il-proġett jagħti ħarsien lit-tfal b’rabta mad-diffikultajiet li ġġib magħha l-użu tat-teknoloġija, kif ukoll jagħti aktar għarfien lill-ġenituri u lill-edukaturi. It-tnedija saret il-Ġimgħa filgħodu mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon u mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima.

Il-proġett għandu kollaborazzjoni bejn numru ta’ entitajiet differenti, fosthom il-Fondazzjoni għas-Servizzi għall-Ħarsien Socjali (FSWS), l-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal, id-Direttorat għall-Programmi ta’ Tagħlim u Assessjar u s-sezzjoni tas-Cybercrime Unit tal-Pulizija ta’ Malta.

Dan il-proġett, permezz ta’ Safer Internet Centre, jaħdem kontinwament biex iqajjem aktar għarfien dwar is-suġġett u permezz tal-helpline joffri sapport lil dawk li jiltaqgħu ma’ abbuż online jew ikunu huma vittmi ta’ abbuż.

Fil-fatt, il-helpline 179, li hija wkoll il-helpline nazzjonali, irċeviet 505 telefonata fis-sena 2020 u 691 telefonata fis-sena 2021 relatati mas-sigurtà fuq l-internet. In-numri jirriflettu l-perjodu fejn il-lockdown wassal għal aktar ħin fuq l-internet.

Il-Ministru Michael Falzon sostna li inizjattivi bħal dawn għandhom ikomplu jissaħħu, speċjalment fl-iskejjel, għaliex joħolqu għarfien fi stadju bikri li jwassal għal deċiżjonijiet aħjar mit-tfal, meta ffaċċjati minn pressjonijiet fid-dinja onlajn. Il-Ministru Falzon qal li, “Dan il-proġett huwa parti minn miżura tal-manifest elettorali u għaldaqstant l-FSWS se tkun responsabbli sabiex timplimenta din il-miżura, bil-għan li noffru gwida lit-tfal, lill-adoloxxenti u lill-ġenituri sabiex jagħmlu użu għaqli mill-midja soċjali.”

Il-Ministru Clifton Grima tkellem dwar l-importanza tal-mezzi diġitali fid-dinja tal-lum, anke fis-settur edukattiv. “Studju li sar fl-2021 juri li 75% tat-tfal taħt it-tmien snin għandhom aċċess għal tablet jew għal mobile, żieda ta’ 25% f’sentejn biss. Irridu nirrikonoxxu li permezz tal-użu tajjeb tat-teknoloġija, kemm il-ġenituri kif ukoll l-edukaturi qed jużaw dawn il-mezzi biex irawmu lit-tfal f’ħiliet ewlenin permezz ta’ logħob edukattiv, riċerka u f’dixxiplini akkademiċi.”

BeSmartOnline ikkollabora wkoll mal-grupp mużikali popolari The Travellers sabiex jipproduċu diska bit-tema tac-cyberbullying, bl-isem ‘Simili’, bil-għan li l-messaġġ jasal għand it-tfal u ż-żgħażagħ b’mod aktar effettiv.

Ekonomija

Sport