Matul is-sena li għaddiet, xejn inqas minn 896 persuna fittxew l-għajnuna tal-Caritas għas-servizzi li toffri fosthom permezz tal-komunitajiet terapewtiċi għall-irġiel u n-nisa f’San Blas, il-Prison Inmates Programme, Tal-Ibwar, Dar Charles Miceli u servizzi oħra ta’ outreach. Kważi 200 minn dawn jagħmlu użu minn servizzi residenzjali.
Dan is-sit tkellem ma’ Marica Cassar, l-Uffiċjal tal-Komunikazzjoni tal-Caritas, fejn tatna rendikont tal-ħidma mwettqa mill-Caritas, anke fejn jidħlu servizzi offruti, matul is-sena 2024, li kienet meqjusa bħala waħda rekord fl-għadd ta’ klijenti li fittxew l-għajnuna ta’ din l-organizzazzjoni minn meta fetħet il-bibien tagħha.
Cassar qaltilna li Caritas Malta toffri għajnuna wkoll mhux biss lill-klijenti imma wkoll lill-familjari tagħhom. Hija żiedet issemmi wkoll kif is-sena li għaddiet, l-akbar ammont ta’ persuni li ħabbtu l-bieb tal-Caritas kienu minħabba sitwazzjonijiet relatati mad-droga.
Hija kompliet tgħid li fost id-diversi attivitajiet li ġew organizzati mill-Caritas spikka l-iktar Jum l-Anzjani, fejn madwar elf anzjan u anzjana nġabru ġewwa l-Bażilika ta’ Kristu Re f’Raħal il-Ġdid biex jiċċelebraw flimkien dan il-Jum u jfakkru li kull persuna, irrispettivament mill-età, hija importanti fis-soċjetà.
Enfasizzat li: “Dawn l-attivitajiet u oħrajn inkluż l-ikla tal-Milied li ssir fil-binja tal-Kurja tal-Arċisqof, kienu kollha b’xi mod jew ieħor, imissu ma’ pjaga li bħalissa s-soċjetà tagħna għaddejja minnha: il-Ġerħa tas-solitudni.”
Mal-adulti, Caritas Malta, tieħu ħsieb toffri s-servizz ta’ terapija bla ħlas minn professjonisti li qegħdin għas-servizz ta’ kull minn għandu bżonn l-assistenza.
Temmet tgħid li l-Caritas tkompli se tkun preżenti u attiva favur kull persuna li tħossha fil-periferija u li l-bieb tagħha hu dejjem miftuħ beraħ biex tilqa’ lil kull persuna mingħajr ebda preġudizzju. Qalet ukoll li Caritas Malta se tkompli toffri l-għajnuna u s-servizz mingħajr ħlas lil kull min hu fil-bżonn.