Thursday, June 26, 2025

Kważi €50 miljun investiti fil-Benefiċċju Addizzjonali għall-Għoli tal-Ħajja

Aqra wkoll

Fi tmiem din il-ġimgħa qed jitħallas il-Benefiċċju Addizzjonali kontra l-Għoli tal-Ħajja, sabiex flimkien ma’għajnuniet oħra jkompli jagħti sostenn lill-familji bi dħul baxx jew medju.

Mas-97,500 familja din il-ġimgħa ser jitħallsu t-tieni pagament li jkopri l-perjodu minn Lulju sa Diċembru 2025, u bejniethom qed jirċievu total ta’ €24.7 miljun.

L-ewwel pagament kien tħallas f’Diċembru 2024 u kien ikopri l-perjodu minn Jannar sa Ġunju 2025.


Ħabbar dan il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, waqt konferenza tal-aħbarijiet, fejn matulha ntqal li l-Gvern investa kważi €50 miljun f’dan il-benefiċċju waħdu matul din is-sena.

“Dan il-gvern jindirizza l-inflazzjoni sabiex jara lill-familji jgħixu kwalità ta’ ħajja aħjar. Dan il-benefiċċju huwa ħolqa minn katina twila ta’ benefiċċji b’saħħithom li qed jagħmlu differenza kbira fil-ħajja tan-nies,” sostna l-Ministru Michael Falzon.

Il-Ministru Michael Falzon irrimarka li dan hu gvern li jħoss il-polz tan-nies u kontinwament jindirizza l-għoli tal-ħajja. Dan għall-kuntrarju ta’ amministrazzjonijiet preċedenti li tefgħu l-piżijiet fuq in-nies permezz ta’ kontijiet ogħla u inflazzjoni.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Permanenti Mark Musù qal li l-mekkaniżmu biex jiddetermina l-ħlas tal-familji jqis żewġ fatturi, dak tad-dħul tal-familja li huwa €11,364 għal persuna singola u n-numru ta’ persuni fil-familja. Il-benefiċċju fl-2025 ivarja bejn €145.40 fis-sena u €1,500 fis-sena. Ovvjament il-pagamenti li qed jitħallsu din il-ġimgħa huma nofs dawn l-ammonti minħabba li diġà rċevew l-ewwel nofs f’Diċembru. Madwar 55% minn dawk li qed jibbenefikaw mhumiex f’riskju ta’ faqar.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport