Friday, November 15, 2024

“Kważi kisirlu għonqu bid-daqqa li tah”

Gwardjan privat dwar il-filmat li fih żewġ żgħażagħ jidhru msawta f’Paceville

Aqra wkoll

Filmat  ta’ tħassib li nġibed f’nofs ix-xahar li għadda u ċċirkola fuq il-midja soċjali juri swat esaġerat fuq żewġ żgħażagħ barra stabbiliment f’Paceville. Il-Korp tal-Pulizija kkonferma li jinsabu għaddejjin bl-investigazzjonijiet dwar dan l-inċident li fih grupp ta’ gwardjani privati jidhru jagħtu bis-sieq f’wiċċ u fl-istonku tal-imsemmija żgħażagħ minkejja li dawn kienu diġà mixħuta mal-art. Sadanittant, Talk.mt ħa r-reazzjoni ta’ gwardjan privat ieħor bi snin ta’ esperjenza fl-istess lokalità li aktar ma tmur, aktar qiegħda ssir qisha ġungla. Min-naħa tiegħu huwa allega li l-persuna inkwistjoni kien armat b’sikkina iżda fl-istess ħin saħaq li dan is-swat ma kienx f’postu, anzi, pjuttost kien aġir perikoluż tant li b’daqqa partikolari wieħed mill-gwardjan seta’ kiser għonq il-vittma.

Kif urejnieh il-filmat imsemmi, il-gwardjan privat li kellimna għamel mument kwiet sakemm imħasseb staqsa, “għalfejn għamlu hekk? X’ġegħilhom jagħmlu hekk? Assolutament ma jistgħux jagħmlu hekk. Seta’ kisirlu għonqu bid-daqqa li tah. Naħseb il-Pulizija rawh dan il-filmat u nemmen li għandu jkun hemm l-investigazzjonijiet kollha. Dawn il-gwardjani qishom riedu juru li huma ta’ saħħa superjuri. Nassigurak li dan mhuwiex il-każ tal-gwardjani privati kollha għax hemm ħafna minna li nagħmlu xogħolna sew u jekk ikun hemm bżonn nikkontrollaw lil xi ħadd, nagħmlu kif suppost billi nżommuh ‘l isfel. Jien hekk nagħmel”.

“Qishom iridu juru li huma b’saħħithom… Nassigurak li dan mhuwiex il-każ tal-gwardjani privati kollha għax hemm ħafna minna li nagħmlu xogħolna sewwa”

Din kienet l-ewwel reazzjoni ta’ dan il-gwardjan privat dwar is-swat li qalgħu dawn iż-żewġ żagħżagħ barra stabbiliment f’Paceville. Huwa xtaq iserraħ l-imħuħ u jiċċara l-fatt li hemm ħafna gwardjani professjonali u ta’ qalb tajba imma spjega li s-sitwazzjoni fil-lokalità magħrufa għad-divertiment ilha għal dawn l-aħħar snin tiddeterjora. Dan minħabba diversi fatturi.

“Mingħajr ma niġġustifika din il-vjolenza, jew nitfa’ lil kulħadd f’keffa waħda jew, inpoġġi dell ikrah fuq persuni minn xi pajjiż partikolari, il-verità hija li 90 fil-mija tal-inkwiet jinvolvi persuni barranin li jiġġieldu mas-Serbi. Il-gwardjani Serbi ikollhom ħafna problemi mal-Għarab għax dawn tal-aħħar dejjem jippruvaw jaqbdu mat-tfajliet u meta ma jirnexxielhomx, jirrabjaw ħafna,” jispjega l-istess gwardjan.

Huwa qal li ċerti rġiel barranin li jkunu fi stabbilimenti f’Paceville iġibu ruħhom ħażin ħafna għax “jitrattaw lin-nisa bħal skjavi”. Allegatament, hemm persuni għax għandhom il-flus, jaħsbu li jistgħu jmissu lil min iridu u meta ma jingħatawx wiċċ, ma jirrispettawx lin-nisa. Dan il-gwardjan spjega li, “nista’ ngħid li hemm gwardjani privati barranin li ma tantx imorru tajjeb ma’ dawn it-tip ta’ nies”.

Droga u alkoħol: Aġir agressiv, erratiku u rresponsabbli

Dan il-gwardjan privat qalilna li f’Paceville hemm taħlit ta’ drogi u alkoħol li jiggravaw is-sitwazzjoni tant li jinqala’ ħafna nkwiet. “Kont naħdem f’diversi stabbilimenti f’Paceville u nara wisq kummiedji. Kull lejl inkun hemm. Naf xi jkun qiegħed jiġri u lil kulħadd. Din is-sitwazzjoni ilha tkarkar is-snin. Id-dealers Maltin jitraffikaw bil-pulit u huma edukati. Dawn ipoġġu mal-bar u jistennew li jiġu l-klijenti mentri hemm barranin li għandhom wisq rebgħa għall-flus u jagħmlu minn kollox biex ibiegħuha. Naf kif jimxu l-affarijiet,” spjega dan is-sors. 

Huwa mbagħad semma’ l-użu ta’ teħid u qal  li t-taħlit ta’ droga mal-alkoħol iwassal biex uħud mill-klijenti jġibu ruħhom b’mod erratiku u rresponsabbli. “L-agħar jibda wara s-sagħtejn ta’ filgħodu meta jiġu għall-after parties,” spjega s-sors.

Tenna li “l-Pulizija jaħdmu ħafna u ma nagħtihomx tort. Lilna l-gwardjani privati japprezzawna għax innaddfulhom l-imbarazz. Naħdmu tajjeb magħhom u nirrispettahom għax jekk binti tinħataf se jkunu huma li se jidħlu biex isibuha u jirritornawha qawwija u sħiħa d-dar”. 

Is-sors qalilna  li “li huwa żgur huwa li m’humiex imħallsa sew u ħafna minnhom għandhom familja. Hemm min ta’ kuljum isibu jmexxi l-kokaina. Jien ma nemminx li dan huwa xogħol ta’ Pulizija iżda ta’ forzi speċjalizzati bħal m’hemm barra minn Malta,” insista dan il-gwardjan privat.

Ekonomija

Sport