“Ħames snin ilu ħabiba tiegħi li hija għalliema bi professjoni, ċemplitli biex tiddiskuti miegħi kwistjoni urġenti. Ħassejt li kienet aġitata ħafna u nervuża fejn qatli li kważi tilfet studenta b’suwiċidju. L-istudenta skappat il-mewt iżda kisret l-ispina ta’ dahra. Imbikkma qalti li din it-tifla se tkun ikkonfinata f’siġġu tar-roti għall-bqija ta’ ħajjitha u dan kien kollu konsegwenza ta’ ibbuljar fuq pjattaformi tal-midja soċjali fejn ġiet mgħajjar li hija qasira u li mhi tajba għal xejn”.
Hekk bdiet id-diskors li għandu jservi ta’ twissija li jsarraf f’azzjoni konkreta, il-fundatur u ċ-chair ta’ The Malta Foundation of the Wellbeing of Society, Marie Louise Coleiro Preca fit-tnedija ta’ proġett ġdid tant bżonnjuż P.O.P.-Up Project (Promoting Online Protection). L-għan warajh huwa li jkun hemm għarfien, ħidma u promozzjoni nazzjonali għall-protezzjoni onlajn.
Hawn ġie ppreżentat studju tal-MISCO li sar fost 387 tfal tal-iskola tal-Years 3 u 11, ikkummisjonat mill-istess Malta Foundation of the Wellbeing of Society bħala parti mill-proġett tagħha P.O.P.-Up. L-informazzjoni nġabret bejn Mejju u Ġunju ta’ din is-sena u hawn ħarġet ir-realtà tal-perikli li jiffaċċjaw online t-tfal, kif ukoll il-ħinijiet twal esaġerati li qiegħdin iqattgħu virtwalment. Dan anke f’etajiet żgħar ħafna.
Ibbuljar serju ta’ ħsara u periklu kbir
B’kummenti bħal “qisek baqra u inti ħadd ma jħobbok. Lanqas ommok u missierek” u “go kill yourself”, it-tfal qegħdin ikunu vittmi ta’ ibbuljar serju. Dan l-abbuż jista’ jwassal għal sitwazzjonijiet gravi bħal fil-kas tal-istudenta li semmiet Coleiro Preeca.
Ġrajjiet traġiċi bħal dawn iħallu impatt u konsegwenzi mhux biss fuq il-vittma, imma wkoll fuq il-qraba, l-għalliema inkwistjoni u kollegi, kif ukoll fuq is-soċjeta inġenerali. Meta Coleiro Preca nnfisha semgħet b’dan il-każ ta’ ibbuljar online, irrealizzat li l-effett ta’ dan l-abbuż virtwali, joħloq ħafna vittmi.
Bħala fundatur tal-Malta Foundation for the Wellbeing of Society, hija saħqet fl-importanza li niġġieldu din ir-realtà b’mod kollettiv bil-għan ovvju li nagħmlu minn kollox biex nevitaw li jkun hemm aktar każijiet simili. Kien għal din ir-raġuni li bdew diskussjonijiet mal-UN International Telecommunication Union (UN ITU) għal possibbiltà ta’ kollaborazzjoni.
“Tfal qalulna li imkien mhuma siguri… lanqas fid-dar”
Coleiro Preca spjegat li l-effett tal-pandemija tal-Covid-19 ukoll ħalla effetti negattivi u ta’ riskju fuq it-tfal tant li l-Fondazzjoni ħasset il-bżonn urġenti li tieħu azzjoni konkreta. Dan aktar u aktar meta kien hemm tfal stess li f’konferenza li organizzaw disa’ snin ilu qajmu l-problema tal-ibbuljar online.
“It-tfal qalulna li m’għandhomx spazju sigur u dan lanqas fid-dar. Dan għax l-abbuż jeżisti online. Niftakar li t-tfal qalu li aħna l-adulti naħsbu li huma siguri fi djarhom imma fil-verità, meta dawn jiftħu l-kompjuter, isibu li qegħdin jitkellmu dwarhom, jiġu mgħajjra b’titli ta’ kull tip u jiċċirkolaw stejjer foloz dwarhom. Fl-istess ħin u quddiem dan kollu, qalulna li ma jkunu jistgħu jagħmlu xejn biex iwaqqfu l-abbuż fil-konfront tagħhom. It-tfal enfasizzaw li mhumiex siguri f’ebda post u qalulna li l-ibbuljar huwa mifrux kullimkien,” spjegat Coleiro Preca.
Hija qalet li l-istudju tal-MISCO jagħtina stampa kerha u ta’ tħassib tant li bħala pajjiż, ma nistgħux ninjoraw tali theddid fuq uliedna. Filwaqt li faħħret l-inizjattivi u l-ħidma kollettiva tad-diversi stakeholders fil-gżejjer tagħna, Marie Louise Coleiro Preca saħqet fl-importanza li l-professjonisti fil-qasam psiko-soċjali għandhom bżonn ta’ aktar taħriġ li jiffoka fuq abbuż u ibbuljar online. Proprju fir-rigward, il-Fondazzjoni flimkien mal-UN ITU, wara li saru sessjonijiet bi prova f’Diċembru li għadda, din il-ġimgħa 100 professjonisti fil-qasam mill-iskejjel tal-Istat, tal-Knisja u anke dawk privati, jipparteċipaw f’sessjonijiet ta’ taħriġ li qiegħed isir fuq skala nazzjonali.
“It-tnedija tal-proġett P.O.P.-Up huwa l-bidu tal-ħidma tagħna b’mod kollettiv u bħala msieħba aħna lesti għall-fażi li jmiss. L-għan tagħna huwa li noħolqu aktar mekkaniżmi ta’ prevenzjoni ħalli nsaħħu dawk diġà eżistenti. Nittamaw li jingħaqdu magħna stakeholders oħra biex flimkien u b’mod ħolistiku, naħdmu kontra din it-theddida moderna li qiegħda tagħmel tant ħsara lil uliedna, lill-familji u lis-soċjetà. Flimkien aħna aktar b’saħħitna,” temmet Marie Louise Coleiro Preca.