Sal-lum waranofsinhar, aktar minn 73% tal-cables milquta mill-mewġa ta’ sħana li ġabet magħha temperatura ta’ ’l fuq minn 40 grad Celsius ġew imsewwija u reġgħu inxtegħlu.
Dan intqal fi stqarrija li ħarġet l-Enemalta biex tkompli tispjega lill-pubbliku dwar l-aħħar żviluppi fl-enerġija.
L-Enemalta qalet li x-xogħlijiet se jibqgħu għaddejjin bla waqfien sakemm terġa’ tinkiseb il-flessibiltà u r-reżiljenza tan-network, li tippermetti li l-Enemalta tirrispondi għal diffikultajiet oħrajn li jistgħu jinqalgħu fin-network f’ħinijiet iqsar.
Il-provvista tal-elettriku lill-maġġoranza tal-konsumaturi fiż-żoni affettwati minn ħsarat fil-cables ingħatat lura minn konnessjonijiet alternattivi fin-network. Il-konsumaturi milquta minn ħsara li affettwat il-Ħandaq ġew konnessi ma’ sistemi ta’ ġenerazzjoni alternattivi sakemm it-tiswijiet neċessarji jsiru. Konsumaturi f’partijiet oħra ta’ Ħal Qormi ser jerġgħu jitqabbdu mal-grid hekk kif jitlestew t-tiswijiet estensivi fuq substation f’din iż-żona. Il-ħaddiema għaddejjin bil-proċess ta’ tibdil tat-transformer f’din is-substation.
Sadanittant, 11-il tim ieħor tekniku qegħdin jassistu konsumaturi li qegħdin jesperjenzaw diffikultajiet fuq in-network ta’ vultaġġ baxx, li jiddistribwixxi l-elettriku mis-substations sal-konsumaturi. Ħsarat fuq dan in-network jolqtu konsumaturi individwali jew żoni żgħar, bħal partijiet minn toroq.