Meta rritorna l-kampjonat Franċiż, Kylian Mbappe kien strumentali meta skorja penalty fil-ħin miżjud biex ta rebħa ta’ 2-1 għal Paris Saint-Germain fuq Strasbourg.
Mbappe reġa’ fl-azzjoni għaxart ijiem wara li skorja hat-trick għal pajjiżu fil-finali tat-Tazza tad-Dinja kontra l-Arġentina iżda kienu s-Sud Amerikani li għollew dan l-unur meta rebħu 4-2 bl-għoti tal-penalties wara li temmew fi draw ta’ 3-3.
Intant, PSG kellhom lil Neymar imkeċċi għal żewġ karti sofor biex kompla l-mument ħażin li għaddej minnu wara l-eliminazzjoni tal-Brażil mit-Tazza tad-Dinja fil-kwarti-finali.
Kien fl-14-il minuta li Marquinhos fetaħ l-iskor għall-Pariġini permezz ta’ daqqa ta’ ras. Iżda fil-51 minuta, l-istess player ikkommetta auto-goal biex Strasbourg kisbu d-draw.
Fit-62 minuta, Paris St Germain spiċċaw jilagħbu bi player inqas meta wara li diġá kellu karta safra, Neymar intwera t-tieni waħda għal simulazzjoni.
Madankollu, fis-96 minuta, Kylian Mbappe, skorja dak li kellu jkun il-goal tar-rebħa mill-11-il metru meta ngħata penalty wara li twaqqa’ fil-kaxxa avversarja.