L-attakkant ta’ Paris Saint-Germain, Kylian Mbappe, huwa ‘aktar probabbli’ li jiffirma kuntratt ġdid mal-club milli jingħaqad ma’ xi club ieħor.
Il-futur tal-player internazzjonali ta’ Franza kien wieħed mill-punti ewlenin ta’ diskussjoni fil-football dinji għal din l-aħħar sena hekk kif spiċċa l-aħħar ftit xhur tal-ftehim tiegħu fil-Parc des Princes.
Real Madrid għadhom meqjusa bħala favoriti għall-firma ta’ Mbappe, iżda tluq minn mat-club immexxi minn Mauricio Pochettino jidher li għadu mhux konkluż.
Jidher li PSG issa huma ottimisti dwar iċ-ċansijiet tagħhom ta’ ftehim ġdid għall-player ta’ 23 sena, li jista’ jkun lest li jwettaq U-turn fuq il-futur tiegħu.
Wara li skorja żewġ goals u pprovda tliet assists fir-rebħa ta’ 5-1 tal-Ħadd fil-Ligue 1 kontra Lorient, Mbappe saħaq li jista’ jibqa’ fil-kapitali Franċiża, b’“elementi ġodda” jidħlu fis-seħħ fir-rigward tad-deċiżjoni tiegħu.
Il-goals u l-assists ta’ Mbappe fi tmiem il-ġimgħa tellgħu t-total tiegħu għal 160 goal u 81 assist f’209 partita għall-Pariġini, inklużi 17-il goal u 13-il assist minn 27 logħba tal-Ligue 1 f’dan l-istaġun.