Wednesday, November 26, 2025

L‑IKLA TAL‑MILIED TA’ CARITAS MALTA TAGĦLAQ 10 SNIN

Aqra wkoll

Caritas Malta qed tistieden lill‑persuni li jinsabu weħidhom jew m’għandhomx il‑mezzi biex għal sena oħra jqattgħu Milied b’dinjità u jiġu jieklu flimkien għall‑ikla tal‑Milied fil‑Kurja tal‑Arċisqof fil‑Furjana. Din l‑ikla qed tiċċelebra l-għaxar sena tagħha u hi turija ta’ mħabba mgħixa fil‑konkret u sinjal tanġibbli ta’ Knisja li tilqa’ lil kulħadd. 

L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi qal li l-ikla tal-Milied organizzata mill-Caritas “hija sinjal sabiħ ħafna tal-impenn tal-Knisja f’Malta tul is-sena kollha, speċjalment fil-ġurnata għażiża tal-Milied, biex ħadd ma jħossu waħdu”. Spjega li l-ikla ssir fil-Kurja tal-Arċisqof b’għażla għax hi l-post ċentrali tal-Arċidjoċesi u “fil-Milied, meta nfakkru l-akbar ġrajja ta’ mħabba ta’ Alla li sar bniedem fostna, aħna nuru fejn qiegħda l-qalb tal-Knisja f’Malta, qalb li dejjem tħabbat bi mħabba kbira għal dawk li huma fil-bżonn u tilqagħhom f’darha”.

Irringrazzja lill-voluntiera kollha li jgħinu biex isseħħ din l-ikla kif ukoll dawk li jieħdu ħsieb iqassmu l-ikla tal-Milied direttament lill-familji fil-bżonn f’diversi  parroċċi f’Malta.

Id‑Direttur ta’ Caritas Malta, Anthony Gatt, tkellem dwar esperjenzi ta’ persuni li jesprimu l‑ferħ li ġġibilhom din l‑ikla. Semma kif persuna li attendiet l‑ikla qaltlu: “Mindu mietet il-mara spiċċajt waħdi niekol toast fil-Milied, nitlob li jfittex jgħaddi. Meta ngħaqadt magħkom erġajt ħassejt l-imħabba u l-ferħ li jġib dan il-jum tant sabiħ.”

Is-Sur Gatt irringrazzja lit-task force li jiltaqa’ għal diversi ġimgħat biex isiru l-preparamenti meħtieġa għal din l-ikla. Kompla jispjega li din l-ikla ma tkunx possibbli mingħajr is-sapport ta’ The Alfred Mizzi Foundation li jipprovdu l-ikel kollu, lill-President ta’ Malta li permezz tal-kċina tal-President jiġi ppreparat il-ħelu kollu li jitqassam wara l-ikel u St Peter Foundation għas-sapport fil-loġistika. Żied jgħid li din is-sena se tintrema tinda kbira fil-bitħa tal-Kurja, grazzi għal TEC Ltd u icreate, bl-għan li jiżdied l-ispazju peress li maħsub li jiżdied in-numru tan-nies għall-ikla. 

Għal sena oħra, l‑ikel se jkun preparat minn The Alfred Mizzi Foundation. Is‑Sur Julian Sammut, Chairperson ta’ The Alfred Mizzi Foundation, qal: “Għalina l-Milied u l-ispirtu tiegħu jibda kmieni bit-tħejjija għal din l-ikla li din is-sena qed nippreparaw permezz ta’ Vecchia Napoli. Bħala tim jippreparaw l-ikel kollu b’mod volontarju għal madwar 600 persuna li jinkludi soppa tal-ħaxix frisk u dundjan tradizzjonali mimli servut bil-patata u l-ħaxix”. Semma wkoll li jitqassmu wkoll madwar 500 ikla fid-djar ta’ dawk li ma jistgħux joħorġu. Din is‑sena b’kollox se jisservew ’il fuq minn 1,000 ikla. 

Bħas-snin ta’ qabel l-band X-Tend se tattendi biex tferraħ lil dawk li qed jattendu.

Kull min għaddej minn żmien ta’ solitudni jew m’għandux il‑mezzi finanzjarji biex jagħmel l‑ikla tal‑Milied, jista’ jingħaqad għall‑ikla ta’ nofsinhar fil‑Kurja tal‑Arċisqof f’Jum il‑Milied, billi jċempel fuq 79555915 jew jibgħat fuq [email protected] jew permezz tal‑paġna fuq Facebook ta’ Caritas Malta.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport