Il‑Ministeru għall‑Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża, flimkien mal‑Awtorità għall‑Ambjent u Riżorsi (ERA), nedew konsultazzjoni pubblika fuq l‑Istrateġija Nazzjonali għall‑Ambjent 2050.
L‑Istrateġija Nazzjonali għall‑Ambjent (NSE) hi l‑ewwel ta’ dan it‑tip. Din tiddefinixxi l‑għanijiet ewlenin għall-azzjonijiet futuri tal‑pajjiż, pjanijiet ta’ politika u investimenti għal kwalità ta’ ħajja aħjar, ambjent aktar b’saħħtu u sostenibbli, u ekonomija climate‑neutral.
Din l‑istrateġija tiffoka fuq tmien għanijiet, li huma arja nadifa, il‑kwalità tal‑ibliet u l‑irħula tagħna, skart minimu, riżorsi tal‑ilma sostenibbli, ibħra nodfa, riżorsi tal‑art reżiljenti, bijodiversità b’saħħitha, u l‑mixja lejn ekonomija ekoloġika.
Waqt li kienet qed tindirizza t‑tnedija tal‑konsultazzjoni pubblika, il‑Ministru għall‑Ambjent, l‑Enerġija u l‑Intrapriża Miriam Dalli spjegat li din mhix strateġija ta’ Gvern biss. “Din hija strateġija ta’ nazzjon, fejn tispjega d‑drittijiet u d‑dmirijiet ta’ kulħadd – tal‑individwi, il‑lokalitajiet, is‑settur pubbliku, l‑organizzazzjonijiet volontarji u s‑settur privat – biex flimkien nindirizzaw l‑isfidi ambjentali ewlenin tal‑preżent, sabiex fit-30 sena li ġejjin, aħna u t‑tfal tagħna nkunu nistgħu ngawdu stil ta’ ħajja aktar b’saħħitha u sostenibbli.”
“Nixtiequ li kulħadd jipparteċipa f’din il‑konsultazzjoni. L‑istrateġija finali hi waħda li tappartjeni lilna llkoll għax flimkien nistgħu nagħtu futur aktar sostenibbli lil pajjiżna,” sostniet il-Ministru Dalli.
Hija kompliet li l‑Gvern qed jaħdem sabiex jilħaq il‑miri tal‑istrateġija. “Qegħdin ninvestu fid‑dekarbonizzazzjoni, bi skemi ta’ bosta miljuni għal sistemi ġodda t’enerġija rinnovabbli u inċentivi għal vetturi elettriċi u binjiet effiċjenti. Aktar kmieni din is‑sena ħabbarna l‑akbar investiment pubbliku li qatt sar f’Malta f’ġonna pubbliċi u spazji ħodor oħra fil‑lokalitajiet tagħna. Qed nintroduċu wkoll aktar miżuri biex jitnaqqas l‑iskart fil‑miżbliet u biex jerġa’ jintuża u jiġi riċiklat. L‑ippjanar tal‑proġett Ecohive waste‑to‑energy huwa fi stadju avvanzat ukoll,” spjegat il‑Ministru Dalli.
L‑NSE ġejja mill‑“Wellbeing First Vision for Malta’s Environment 2050”, li ġiet adottata f’Novembru 2020. L‑NSE tittraduċi din il‑viżjoni f’għanijiet strateġiċi u speċifiċi għat‑30 sena li ġejjin. L‑ERA fasslet din l‑istrateġija wara proċess estensiv ta’ konsultazzjoni ma’ aktar minn 60 entita interessata, inklużi dawk li jfasslu l‑politika, l‑akkademiċi, is‑settur privat u s‑settur volontarju.
Kevin Mercieca, l‑Aġent Kap Eżekuttiv tal‑ERA, qal li l‑Awtorità se tkun qed tiffoka fuq l‑implimentazzjoni ta’ din l‑istrateġija. “L‑NSE tindirizza l‑elementi ewlenin wara l‑isfidi ambjentali nazzjonali tagħna, billi timbotta għat‑tkabbir ekonomiku sostenibbli filwaqt li turi dak li jista’ jsir sabiex tiffaċilita t‑transizzjoni ekoloġika meħtieġa permezz ta’ firxa ta’ miżuri effettivi.”
Id‑dokument ta’ konsultazzjoni tal‑NSE u dettalji oħra relatati jinstabu fuq https://era.org.mt/nse2050/. L‑ERA tistieden lill‑pubbliku biex jipparteċipa f’dan il‑proċess ta’ konsultazzjoni permezz ta’ email fuq [email protected] fejn jistgħu jintbagħatu kummenti fuq din l‑istrateġija. Il‑konsultazzjoni miftuħa sal‑Ġimgħa 21 ta’ Ottubru 2022.