Bħal-lum 10 snin il-poplu ħareġ fit-toroq jiċċelebra r-rebħa Laburista. U dakinhar kellu għalfejn il-poplu jifraħ. Għaliex minn dakinhar bdiet it-triq għall-avvanzi politiċi, soċjali u fuq kollox ekonomiċi, u riformi u libertajiet ċivili li qatt ma konna naħsbu li setgħu jitwettqu f’pajjiżna.
Minkejja dan kollu, pajjiżna f’dawn l-aħħar 10 snin, ma kienx nieqes mill-isfidi li kellu jaffaċċja. Sfidi li wħud minnhom kellhom anke konsegwenzi xi ftit jew wisq negattivi. Fosthom it-tqegħid ta’ Malta fil-lista l-griża, u taqlib politiku li wassal għal elezzjoni bikrija u saħansitra anke għal bidla fil-kariga ta’ Prim Ministru. Iżda quddiem dawn l-isfidi, pajjiżna ma qatax qalbu għax sab Gvern reżiljenti illi kienu x’kienu ċ-ċirkostanzi, dejjem ġab l-ewwel l-interess nazzjonali.
F’dawn l-10 snin ukoll rajna kisbiet soċjali kbar li għenu l-aktar lill-pensjonanti u lil dawk vulnerabbli. Rajna tibdil fil-liġi tal-IVF biex aktar koppji jsiru ġenituri. Rajna iktar inċentivi li attiraw investiment lejn pajjiżna u b’hekk setgħu jinħolqu aktar postijiet tax-xogħol tant li llum pajjiżna huwa bl-inqas rata ta’ qgħad fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
Kisbiet soċjali oħra kienu marbuta mal-għajnuna mogħtija lill-first time buyers biex aktar nies isiru sidien ta’ darhom, iż-żieda kull sena fil-pensjonijiet u allowances oħra fosthom l-istipendji għall-istudenti, u l-mekkaniżmu addizzjonali tal-COLA għall-vulnerabbli.
Ma naqsux ukoll kisbiet f’dawk li huma libertajiet ċivili li tejbu l-ħajja ta’ bosta nies fosthom iż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess. Ma setax jonqos ukoll li tul dawn iż-żmien pajjiżna kellu jikkumbatti ma’ żewġ kriżijiet kbar bħalma kienu l-pandemija tal-Covid-19 u aktar riċenti l-gwerra fl-Ukrajna.
Sa mill-2013, l-ekonomija Maltija bdiet tistejqer sew bi tkabbir kontinwu sena wara l-oħra. U b’hekk setgħu jingħataw aktar benefiċċji lil dawk li kienu jinħtiġuhom l-aktar. Tajjeb ngħidu li l-Gvern kompla jkun kredibbli fl-għajnuna li baqa’ jagħti lin-negozji, anke minn fondi Ewropej sabiex ikunu inċentivati biex jilqgħu għall-isfidi li jaffaċċjaw għall-qalba diġitali, u b’hekk ikabbru l-kompetittività u jkunu iktar sostenibbli.
Dan kollu sar biex fuq kollox ikunu protetti l-impjiegi tal-ħaddiema u jwasslu wkoll għall-ħolqien ta’ impjiegi ġodda, l-iktar f’intrapriżi żgħar u medji li huma l-iktar li qed ikollhom sfidi ekonomiċi.
Ma nistgħux ukoll ma napprezzawx il-miżuri li ttieħdu tul dawn l-aħħar 10 snin biex titjieb l-infrastruttura tat-toroq fl-istess waqt li jitħares l-ambjent, b’aktar ftuħ ta’ spazji ġodda f’bosta lokalitajiet.
Dak kollu li sar f’dawn l-aħħar 10 snin nemmnu li huwa garanzija għall-ġejjieni ta’ pajjiżna. Għalhekk, il-ġejjieni mhux biss jidher imma se jkun sabiħ fejn kulħadd se jkompli jkollu kull opportunità li jimraħ fejn irid biex jilħaq l-aspirazzjonijiet tiegħu.