Statistika maħruġa llum mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) turi li r-rata ta’ nies f’riskju ta’ faqar fl-2022 (ibbażata fuq dħul fl-2021) naqset b’0.2 punti perċentwali għal 16.7 fil-mija. Din hija l-inqas rata ta’ riskju ta’ faqar reġistrata mill-2016 ’l hawn.
Anke r-rata ta’ nies f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali naqset b’0.2 punti perċentwali għal 20.1%. Din tal-aħħar, b’kejl anqas rigoruż minn tal-lum, fl-2013 kienet 24.6%. Ir-rata ta’ riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali llum hija 4.5 punti perċentwali anqas minn 10 snin ilu.
Id-dħul ekwivalizzat li fuqu sar dan il-kejl issa tela’ għal €10,893 meta fl-2013 dan kien madwar €7,000. Dak iż-żmien kien hawn 65,000 persuna li jaqgħu taħt dan il-limitu waqt li llum fadal biss 18,000 persuna taħt dan il-limitu.
Il-progress fil-ġlieda kontra l-faqar jidher ukoll mill-fatt li eluf ta’ nies imxew mill-faxex l-aktar baxxi lejn faxex ogħla ta’ dħul. Sinjifikanti kien il-fatt li 4,580 persuna li kienu jaqilgħu inqas minn 40% tad-dħul ekwivalizzat, 2,390 persuna li kienu jaqilgħu inqas minn 50% tad-dħul ekwivalizzat u 2,240 persuna li kienu jaqilgħu anqas minn 60% tad-dħul ekwivalizzat, issa telgħu f’faxex ta’ dħul ogħla.
Kien hemm titjib sinjifikanti fid-dħul gross ta’ kull familja kif ukoll fid-dħul disponibbli ras għal ras wara l-ħlas tat-taxxa, fejn fl-2022 kien hemm żieda ta’ 6.8 fil-mija. Fil-fatt id-dħul medju disponibbli tal-familji żdied għal kważi €34,900 meta fl-2013 kien €23,500, żieda ta’ kważi 50%.
Analiżi tal-faxxi ta’ persuni f’riskju ta’ faqar turi tnaqqis ta’ 1.0 punti perċentwali fost dawk li b’mod ekwivalizzat (dħul ras għal ras skont in-numru ta’ membri tal-familja) jaqilgħu inqas minn €7,260, kif ukoll tnaqqis ta’ 0.5 punti perċentwali fir-rata ta’ dawk li jaqilgħu b’mod ekwivalizzat inqas minn €9,080 u tnaqqis ta’ 0.2 punti perċentwali fost dawk li b’mod ekwivalizzat jaqilgħu inqas minn €10,893.
Fl-istess waqt, dan l-istħarriġ sar fi sfond fejn kien hemm distribuzzjoni aktar ekwa tad-dħul bejn dawk li huma l-aktar għonja u dawk li huma l-inqas għonja, tant li dak li jissejjaħ 80/20 Ratio tjieb minn 5.0 għal 4.8 fuq skala bejn 0-10 (fejn tnaqqis ifisser distribuzzjoni aħjar).
Kien hemm titjib ukoll fi statistika oħra dwar id-differenzi fir-rati ta’ riskju tal-faqar bejn familji. Dan hekk kif ir-rata ta’ faqar fost familji bi dħul disponibbli li jeskludi trasferimenti soċjali iżda jinkludi benefiċċji tal-anzjanità, naqset għal 22.7 fil-mija, waqt li dik fost familji li d-dħul tagħhom jeskludi t-trasferimenti soċjali naqset ukoll għal 35.1 fil-mija. Dan ifisser li persentaġġ iżgħar għandu bżonn trasferimenti soċjali.
Kien hemm titjib ukoll fost dawk il-familji li għandhom tfal dipendenti, fejn il-persentaġġ ta’ riskju ta’ faqar naqas b’1.3 punti perċentwali għal 15.3 fil-mija. L-akbar titjib kien fost ġenituri waħidhom li għandhom iżjed minn wild wieħed kif ukoll żewġ adulti b’inqas minn żewġt itfal.
Żgħażagħ ta’ inqas minn 18-il sena kienu inqas f’riskju ta’ faqar fl-2022 mis-sena ta’ qabel, filwaqt li dawk bejn it-18 u l-64 sena kienu materjalment inqas f’riskju ta’ faqar – dawn flimkien jammontaw għal 69.5 fil-mija tal-popolazzjoni.
Ix-xejriet pożittivi fl-istatistika tal-2022 huma riflessi wkoll fi statistika ġdida li ppubblika l-NSO. Din kienet tikkonċerna x’jidhrilhom in-nies dwar erba’ kriterji suġġettivi li kienu: is-sodisfazzjon tagħhom dwar il-ħajja, dwar il-qagħda finanzjarja tagħhom, dwar l-impjieg u dwar ir-relazzjonijiet personali tagħhom. Din l-analiżi saret skont il-ġeneru, l-età, u d-dħul ras għal ras.
Din l-istatistika turi li l-maġġoranza għandhom perċezzjonijiet pożittivi jew pożittivi ħafna dwar il-kriterji msemmija, u dan is-sens pożittiv mhux talli jinħass fost persuni li mhumiex f’riskju ta’ faqar iżda saħansitra fost dawk li huma f’dan ir-riskju. Il-valur medju ta’ sodisfazzjon dwar il-ħajja fost dawk li qegħdin f’riskju ta’ faqar għola b’nofs punt perċentwali għal 6.8 (minn massimu ta’ 10 punti) filwaqt li s-sodisfazzjon dwar l-impjieg tal- istess nies żdied bl-istess mod għal 7.3.
L-istatistika turi li l-perċezzjoni kienet pożittiva ħafna fost dawk li jaqilgħu inqas minn €10,000 fis-sena ras għal ras, u l-istess fost dawk li jaqilgħu inqas minn €20,000.
F’reazzjoni għal din l-istatistika, il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon qal li jinsab sodisfatt li l-politika u l-programmi tal-gvern qed iħallu riżultati, speċjalment meta tqis li xahrejn ilu kienet ħarġet statistika li turi tnaqqis konsiderevoli fid-deprivazzjoni materjali u severa.
“Il-gvern qiegħed jindirizza s-sitwazzjoni ta’ dawk vulnerabbli fil-pajjiż u r-riżultati jitkellmu weħidhom. Konxji mill-fatt li hemm faxex fis-soċjetà li jeħtieġu aktar għajnuna minn oħrajn u se nkomplu nagħtu din l-għajnuna. Din hija sfida li aħna ser nibqgħu naffrontaw bl-istess impenn għaliex nemmnu bis-sħiħ f’soċjetà ekwa fejn kulħadd igawdi mill-ġid li jinħoloq fl-ekonomija,” temm jgħid il-Ministru Falzon.