Thursday, February 22, 2024

L-2023 kienet l-aqwa sena ta’ WasteServ fl-aħħar 20 sena

Aqra wkoll

WasteServ ipproċessat u rritornat lura fl-ekonomija aktar minn 20,000 tunnellata ta’ skart riċiklabbli fis-sena li għadha kif intemmet, l-akbar kwantità qatt reġistrata f’pajjiżna.

Dan filwaqt li l-iskart imħallat li jintrema mid-djar fil-borża s-sewda naqas b’23%, sabiex niżel għall-inqas livelli li qatt irċeviet WasteServ f’dawn l-aħħar 20 sena.

Ħabbret dan il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli waqt konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ Richard Bilocca, fil-Multi Material Recovery Facility ta’ din il-Kumpanija  f’Ħal Far.

Dawn ir-riżultati, li jfissru l-aqwa sena ta’ WasteServ minn meta twaqqfet fl-2002, jikkonfermaw il-progress inkoraġġanti li qed jikseb pajjiżna fit-twettiq tal-pjan fit-tul lejn is-sostenibilità fl-immaniġġjar tal-iskart.

Quddiem dawn ir-riżultati pożittivi, il-Ministru Miriam Dalli rrikonoxxiet il-ħidma tal-pubbliku f’dak li għandu x’jaqsam mas-separazzjoni tal-iskart.

“Riżultati pożittivi bħal dawn jistgħu jiġu attribwiti biss għall-isforz kollettiv ta’ kulħadd – individwi, familji, negozji, entitajiet governattivi, għaqdiet volontarji u ħafna oħrajn – li lkoll qed nifhmu l-importanza li nnaqqsu u nirriċiklaw l-iskart sabiex nipproteġu l-ambjent u l-futur ta’ pajjiżna.

Dawn il-kisbiet jixhdu wkoll id-deċiżjonijiet u l-investimenti infrastrutturali tal-Gvern f’dawn l-aħħar snin, fosthom impjanti ġodda għall-ipproċessar sostenibbli u effiċjenti tal-iskart, l-introduzzjoni ta’ inizjattivi ġodda bħal gate fees għall-iskart kummerċjali u l-introduzzjoni tas-separazzjoni tal-iskart mandatorja għal kulħadd is-sena li għaddiet.”  

“Dawn riżultati inkoraġġanti li huma pass importanti imma jikkonfermaw ukoll li pajjiżna jista’ jikseb ħafna aktar – irridu nkomplu naħdmu flimkien għall-mira ewlenija li nnaqqsu l-iskart li jispiċċa fil-miżbliet għal biss 10% sas-sena 2035. Se nkomplu naħdmu biex nimxu lejn ekonomija ċirkolari u niksbu futur aktar sostenibbli,” temmet tgħid Miriam Dalli.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet WasteServ spjegat kif fl-aħħar sena, diversi materjali ġew ipproċessati u mibgħuta fi swieq internazzjonali biex jinbidlu fi prodotti oħra. Dawn kienu jinkludu madwar:

• 8,198 tunnellata ta’ karti u kartun;

• 2,205 tunnellata ta’ metalli differenti;

• 7,410 tunnellata ta’ ħġieġ;

• 1,421 tunnellata ta’ tipi differenti ta’ plastik;

• 142 tunnellata ta’ injam;

• 350 tunnellata ta’ ġipsum;

• 297 tunnellata ta’ foam.

Barra minn hekk, kien hemm ukoll żieda pożittiva ta’ 35% fl-iskart organiku separat li ġej mid-djar u mis-settur kummerċjali meta mqabbel mal-2022. Dan l-iskart ġie mibdul f’ 4.1 miljun unit ta’ enerġija, biżżejjed biex jipprovdi sena ta’ elettriku lil madwar 570 dar.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ Richard Bilocca irringrazzja lill-ħaddiema ta’ WasteServ għall-ħidma tagħhom f’dawn l-aħħar snin. Sostna li r-riżultati pożittivi tal-2023 huma wkoll grazzi għall-ftuħ ta’ żewġ faċilitajiet ġodda fl-aħħar sena. Wieħed, li jinsab fil-kumpless ECOHIVE, li kien jinvolvi investiment ta’ €4 miljun u beda jopera f’Marzu. L-ieħor, li jinsab f’Ħal Far, kien jinvolvi investiment ta’ €22 miljun u kien inawgurat f’Ġunju.

“Dan kollu minbarra l-proġetti li għaddejjin bħalissa, fosthom automated glass sorting line ġdida li hija skedata li tibda topera sa nofs l-2024, u bħala parti mill-istrateġija ECOHIVE, skip management facility li taċċetta skart goff minn skips u faċilità ġdida għall-ipproċessar tal-iskart organiku li se tieħu post dik attwali. Miexi wkoll ix-xogħol fuq il-proġett tal-waste-to-energy, fejn diġà tlesta l-iskavar tal-impjant.”

Ekonomija

Sport