Tuesday, December 24, 2024

“L-2023 mistennija tkun sena tajba għan-negozji u fl-istess livell ta’ qabel il-pandemija”

Kurt Farrugia, il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

Is-sena 2022 kienet sena tajba ħafna għan-negozji żgħar u medji f’pajjiżna. Dan kollu juri biċ-ċar li d-deċiżjonijiet li ttieħdu fi żminijiet tal-pandemija tal-Covid-19 u l-gwerra fl-Ukrajna kienu tajbin tant li dawk li qed ifittxu fejn se jibbażaw in-negozju tagħhom, qed jaraw illi Malta għandha ekonomija b’saħħitha u li l-Gvern dejjem jgħin lin-negozji speċjalment f’mumenti ta’ diffikulta.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia, qal dan f’intervista li kellu ma’ Talk.mt. Minkejja li s-sena l-oħra ġabet magħha suċċessi, huwa sostna li bħalissa hemm sfidi kbar għaddejjin madwarna. Xahar wara li kważi għaddiet il-pandemija tal-Covid-19, faqqgħet il-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna li meta tħares lejha minn perspettiva internazzjonali tara li ġabet magħha inflazzjoni u l-prezzijiet tal-enerġija li splodew.

Bl-istess mod, qal, li kien hemm żieda fil-prezzijiet tal-materja prima. Minkejja li l-prezzijiet kienu ġa bdew jogħlew fi żmien il-pandemija, bil-gwerra l-prezzijiet komplew jogħlew. Din iż-żieda fil-prezzijiet qed twassal għal fatt li n-nies qed jixtru inqas. Minbarra l-problema fil-prezzijiet, hemm diversi raġunijiet oħra li qed joħolqu sfidi kbar f’din is-sitwazzjoni globali. Dan bħal pereżempju problema tat-trasport u allura d-diffikultà hi meta prodott irid jasal minn pajjiż ieħor.

Minkejja dawn is-sitwazzjonijet, Kurt Farrugia qal li fi żmien il-pandemija tal-Covid-19, il-Malta Enterprise flimkien mal-Gvern investew bis-sħiħ fil-wage supplement li swiet madwar €800 miljun. Permezz t’hekk in-negozji setgħu jibqgħu għaddejin u ma ntilef l-ebda impjieg. Dan għalhekk wassal biex l-irkupru seta’ jkun wieħed mgħaġġel.

“Il-Gvern qed jissussidja bis-saħħa l-prezz tal-enerġija’’

Il-Kap Eżekuttiv qal li l-Gvern għen u għadu jgħin sal-ġurnata tal-lum fejn tidħol l-enerġija u qed jaħdem qatigħ biex iżomm il-prezzijiet tal-enerġija stabbli. Huwa propju għalhekk li pajjiżna huwa post fejn in-negozju għandu stabbiltà. Dan għaliex il-prezzijiet f’Malta mhumiex se joqogħdu jitilgħu u jinżlu skont il-prezzijiet tas-suq internazzjonali. Stqarr li din kienet deċiżjoni li qed tagħmel ġid kbir lil ekonomija Maltija, billi l-prezzijiet tal-enerġija ma jogħlewx.

Portal ġdida li se ttejjeb ir-relazzjonijiet tan-negozji

F’dan ir-rigward huwa qal li fil-bidu ta’ din is-sena l-Malta Enterprise ħabbret li se jiġi ntrodott portal ġdid. L-għan ewlieni huwa li jtejjeb ir-relazzjonijiet tan-negozji ma entitajiet pubbliċi. L-ewwel fażi ta’ din il-portal se tkun qegħda sseħħ din is-sena u se tkun qegħda tinvolvi numru ta’ dipartimenti tal-Gvern. Fit-tieni fażi se jkunu jistgħu jidħlu dipartimenti oħrajn. Dan il-portal se jkun aċċessibli għal dawk kollha li għandhom negozju, fejn fih wieħed se jkun jista’ jdaħħal id-dettalji tiegħu darba u jaċċessa kollox fuq dan is-sit.

Amministrazzjoni ta’ inċentivi li jmorru lejn l-investiment

Meta mistoqsi dwar l-inċentivi, Farrugia qal li bħala Malta Enterprise hemm l-iskema Invest, fejn kwalunkwe investiment li jkun qed isir minn kumpaniji żgħar u medji jkunu jistgħu jespandu l-operat tagħhom.

Skema oħra li tgħin fl-investiment ta’ kumpaniji żgħar u medji hi l-Micro Invest. Din tgħin fuq kull tip ta’ makkinarju u kwalunkwe għodod li l-kumpaniji jkollhom bżonn.

Semma li hemm skemi li n-negozji għandhom jħarsu lejhom b’serjeta kbira. Waħda minn dawn l-iskemi hi l-Smart and Sustainable, illi sas-sena l-oħra kienet li jingħata sa 50% fuq proġett li jammonta sa €50,000.

Għall-kumpaniji eżistenti hemm l-Business Development, li huwa forma ta’ għotja illi titla sa €20,000. Hemm ukoll skema oħra, li biha l-Malta Enterprise qed tħeġġeġ biex negozji jdaħħlu magħhom persuni li għandhom diżabilita, fejn tingħata somma flus għal kull proġett li għandu jsir sabiex dawn il-persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jaħdmu faċilment man-negozju.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise temm jgħid li l-fokus prinċipali tal-Malta Enterprise huwa fuq sostennibiltà. Mhux biss sostennibiltà ambjentali iżda wkoll is-sostennibiltà tan-negozji.

Ekonomija

Sport