Il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew u eks Prim Ministru Alfred Sant wissa li l-2023 se tkun sena iebsa għall-ekonomija Ewropea u r-riperkussjonijiet se jinħassu fil-partijiet kollha tas-soċjetà.
Waqt li kien qed jindirizza s-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew dwar il-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għall-2023, Dr Sant innota li l-Parlament Ewropew qed jieħu pożizzjoni bilanċjata fiċ-ċirkostanzi diffiċli tal-lum u sostna li l-ħtiġijiet baġitarji żdiedu immens. Madanakollu s-sorsi ta’ finanzjament jibqgħu b’xi mod statiċi fil-volum u l-varjetà tagħhom, minħabba l-isfidi finanzjarji li qed jaffaċċjaw l-Istati Membri.
Il-Parlament Ewropew ftit ilu ddiskuta u adotta l-pożizzjoni tiegħu dwar l-abbozz tal-baġit tal-Unjoni Ewropea għall-2023. Dan se jkun stabbilit għal €187.3 biljun. Aktar minn €850 miljun ġew miżjuda mal-abbozz oriġinali biex jintlaqgħu aħjar ir-riperkussjonijiet tal-gwerra fl-Ukrajna. Barra minn hekk, aktar fondi se jkunu allokati lill-proċess ta’ rkupru mill-pandemija, Erasmus+, azzjoni klimatika u netwerks trans-Ewropej.
Il-Membru Parlamentari Ewropew Laburista Sant ivvota favur ir-riżoluzzjoni iżda esprima riżervi dwar il-fondi diretti vvotati lejn in-nefqa tad-difiża u dik militari. Filwaqt li fehem li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri huma ħerqana biex jiċċentralizzaw din in-nefqa, huwa staqsa għaliex stati newtrali tal-Unjoni għandhom jikkontribwixxu għal dil-parti mill-baġit li hi ddedikata biex issostni dik li qed titqies bħala Unjoni tad-Difiża. F’dal-qafas, huwa ssuġġerixxa li l-Istati Membri Ewropej għandu jkollhom il-possibiltà li ma jipparteċipawx.
Barra minn hekk, fid-dawl tal-ħtiġijiet urġenti li qed taffaċċja l-Unjoni Ewropea huwa staqsa jekk il-finanzjament ivvotat biex tkompli ssir il-“Konferenza tal-Futur tal-Ewropa” huwiex ġustifikat.
Ir-riżoluzzjoni fil-Parlament Ewropew ġiet adottata b’421 vot favur, 137 vot kontra u 82 astensjoni.