Friday, November 22, 2024

L-2024… SENA TA’ ANNIVERSARJI

Aqra wkoll

Is-sena 2024 li għadna kemm dħalna fiha se tkun karatterizzata minn diversi avvenimenti sinifikanti li sawru l-istorja politika u soċjali riċenti ta’ pajjiżna. Avvenimenti li għalkemm xi wħud minnhom kienu mdawra b’kontroversji, kienu iżda r-rotta u d-direzzjoni lejn fejn il-poplu ried imur.

Fix-xhur li għad iridu jiġu, minbarra l-elezzjonijiet biex jingħażlu r-rappreżentanti Maltin fil-Parlament Ewropej, is-sindki u l-membri tal-Kunsilli lokali u kif ukoll il-ħatra tal-President ġdid ta’ Malta, din is-sena pajjiżna se jiċċelebra ukoll anniversarji kbar fil-ġrajja ta’ dan il-ġens.

Din is-sena se jaħbat is-60 anniversaru tal-Indipendenza, il-50 sena minn meta Malta ddikjarat lilha nnifisha Repubblika, l-45 sena mill-Ħelsien kif ukoll l-20 sena ta’ Malta bħala stat membru tal-Unjoni Ewropea.

Meta nħarsu lura lejn dawn is-snin, naraw kemm il-poplu Malti kien għaqli biex wasal iwettaq dawn l-iżviluppi kostituzzjonali li komplew jemanċipaw il-ħsieb u l-mentalita tal-Maltin. 

Naraw ukoll, meta nqabblu lilna nfusna ma’ ġnus oħra, kemm aħna poplu xxurtjat li ksibna dan kollu fis-sliem u l-progress meta niftakru li popli oħra, biex waslu fejn waslu kellhom iċarċru demmhom.

F’dan kollu l-ikbar mertu huwa tal-poplu imma mhux biss. Huwa wkoll mertu ta’ dawk il-politiċi li għarfu u semgħu is-sejħiet taż-żminijiet. Mertu wkoll ta’ dawk li ħadmu fl-imgħoddi biex pajjiżna jinfatam mill-ktajjen li kienu qed ixekkluh soċjalment, politikament u kostituzzjonalment. Imma l-iktar l-injoranza u s-superstizzjonijiet. 

Imma llum, li pajjiżna huwa sovran għax indipendenti, repubblikan u ħieles, jeħtieġ li bħala poplu nkomplu niddefendu dawn il-kisbiet u nħallux lilna nfusna li niġu mxakra lejn xi naħa jew oħra f’xi kunflitt. Għalhekk aħna għandna, mhux biss din is-sena imma wkoll fis-snin li ġejjin, inkomplu nibżgħu għan-newtralita u naħdmu biex is-sliem isaltan kullimkien iktar u iktar fir-reġjun li mediterranju li ninsabu fih.

Għalhekk bħala Maltin, filwaqt li għandna niċċelebraw kif huwa xieraq l-anniversarji ta’ dawn l-avvenimenti storiċi, jkun jaqblilna aktar li nużawhom biex tissaħħaħ l-għaqda fost il-poplu, lil hinn mill-parrokjaliżmu u l-partiġġjaniżmu politiku.

Ngħidu dan għax nemmnu bis-sħiħ li l-għaqda nazzjonali biss tista’ ġġib il-progress soċjali u twassal għad-diċenza u s-serenità fost il-poplu tagħna kollu.

Sport