Wednesday, December 31, 2025

L-2025… SENA TA’ SODISFAZZJON

Aqra wkoll

Maż-żernieq tas-sena 2025, li dalwaqt tintemm, minn dawn il-kolonni konna għedna li din is-sena kellha tkun waħda ta’ opportunitajiet għall-pajjiżna. Jekk illum kellna nagħtu ħarsa lura, naraw li f’dak li għedna konna korretti. Matul din is-sena, pajjiżna mhux biss ħataf l-opportunitajiet biex kabbar l-ekonomija imma wkoll kien impenjat bl-aktar mod progressiv fit-tmexxija ta’ istituzzjonijiet li ġie fdat bihom f’mumenti meta d-dinja kienet għaddejja minn taqlibiet politiċi u soċjali qawwija. 

Bla dubju, Malta ħalliet impatt pożittiv ħafna f’istituzzjoni Ewropea meta assumiet il-Presidenza tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa, għar-raba’ darba fl-istorja tagħha. Hekk kienet għamlet ukoll fis-sena ta’ qabel meta ppresediet il-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda u kif ukoll l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (OSCE). Dawn kollha komplew kabbru bil-kbir ir-reputazzjoni ta’ Malta fix-xena internazzjonali.

Fil-qasam lokali, l-ekonomija kompliet tiġġenera l-ġid billi kienet l-aktar waħda dinamika fost il-pajjiżi kollha msieħba fl-Unjoni Ewropea, anke permezz tal-ħolqien ta’ mpjiegi, kemm f’oqsma li konna mdorrijin bihom kif ukoll oħrajn li ffurmaw niċeċ ġodda l-iktar fis-settur tat-teknoloġija.

Il-qasam soċjali wkoll pajjiżna ra mixja qawwija ‘l quddiem fejn il-benefiċċji mhux biss komplew jitjiebu imma anke nħolqu oħrajn ġodda li minnhom gawdew bosta faxex tas-soċjetà Maltija. Matul din is-sena, rajna wkoll l-akbar budget li ġie ppreżentat fl-istorja ta’ pajjiżna, b’nefqa rekord li laħħqet id-€9.3 biljun. Budget li kompla saħħaħ il-familji Maltin.

Pajjiżna seta’ jikseb kollu dan għaliex l-ekonomija u l-finanzi kienu ndukrati b’mod għaqli u b’hekk komplew jitferrxu aktar benefiċċji, immirati l-aktar lejn dawk li kellhom bżonn, bħala parti mill-politika tal-Gvern preżenti li ma jitħalla ħadd jaqa’ lura. Dan ukoll kien parti mill-opportunitajiet li ġab miegħu l-perjodu tat-12-il xahar li wasal biex jintemm fi ftit sigħat oħra.

Għaldaqstant, minn dawn il-kolonni nawguraw ukoll li s-sena 2026 mhux biss tkompli tibni fuq it-tajjeb li diġa’ sar imma wkoll tkun sena li toħloq aktar mobilita soċjali, partikolarment għaż-żgħażagħ Maltin fl-oqsma kollha li qed iħejju għalihom. B’hekk pajjiżna jkun jista jkompli jassigura ġejjieni sabiħ għall-poplu ta’ dawn il-gżejjer. 

Fl-istesswaqt nawguraw ukoll sena mimlija risq u hena lil kulħadd u nittamaw li l-poplu Malti u Għawdxi jkompli jingħaqad kif għamel tul dawn il-ġranet festivi.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport