Tuesday, December 30, 2025

L-2025: SENA TA’ TRASFORMAZZJONI DIĠITALI 

Aqra wkoll

Matul din is-sena, pajjiżna għadda minn trasformazzjoni sħiħa f’dik li hija teknoloġija. Din tant saret importanti li saħansitra fil-budget għas-sena li ġejja, il-Gvern ivvota mhux inqas minn €100 miljun f’inċentivi għad-diġitalizzazzjoni u l-adozzjoni ta’ teknoloġiji fosthom l-Intelliġenza Artifiċjali. 

Dan juri li l-awtoritajiet tal-pajjiż, kif mistenni, qed jifhmu aktar il-ħtieġa li l-ekonomija tkompli tiġi diġitalizzata għaliex jekk ma jsirx hekk, pajjiżna jaqa’ lura komparat ma’ pajjiżi oħra, speċjalment dawk ta’ madwarna. Dan l-aspett jikkontradixxi l-biża’ li kienet tqanqlet mhux biss f’Malta, illi t-teknoloġija tal-AI kienet se timmina ċertu aspetti tal-ħajja fosthom l-impjiegi. Minn dak li jidher li qed isir f’pajjiżna u f’pajjiżi oħra, dan mhux il-każ.

Fil-fatt, għalkemm kien hemm appelli internazzjonali biex ir-riċerkaturi jimmitigaw l-iżvilupp tal-AI, minħabba biża’ li din setgħet tegħleb l-intelliġenza umana, b’danakollu l-AI hi l-futur tad-dinja, fejn anke qed tiġi applikata f’sitwazzjonijiet delikati bħalma huma interventi serji kiruġiċi, is-sigurtà ċibernetika u funzjonijiet ekonomiċi, soċjali u industrijali oħra.

Minbarra dan, infakkru wkoll li din is-sena, il-Gvern nieda wkoll strateġija nazzjonali aġġornata dwar l-AI, li se taħdem id f’id mal-Viżjoni Malta 2050, li timbotta ’l quddiem l-inklużjoni soċjali u l-progress ekonomiku li minnu jgawdi kulħadd. 

B’danakollu, l-AI ma kienx l-uniku żvilupp li beda jsir f’pajjiżna imma hemm ukoll is-servizzi ġodda li qed jingħataw permrezz tat-teknoloġija. Dan fisser ukoll il-modernizzazzjoni tas-servizz pubbliku fejn illum, il-Maltin u l-Għawdxin jistgħu jinqdew fil-bżonnijiet tagħhom ta’ kuljum mill-kumdità ta’ djarhom permezz tat-teknoloġija. Fosthom il-ħafna servizzi f’diversi aspetti tal-ħajja ta’ kuljum li jinkludu helplines nazzjonali f’oqsma li ċ-ċittadin bir-raġun kollu jistenna mingħand l-istat. Kieku pajjiżna m’għarafx l-importanza tat-teknoloġija u d-diġitalizzazzjoni, kieku dawn is-servizzi llum ma jistgħux jingħataw, f’xi drabi anke b’detriment għas-servizzi soċjali eżistenti. 

Aħna nemmnu li b’dak kollu li sar matul din is-sena, inklużi diversi riformi, pajjiżna issa għandu bażi soda li fuqha tista’ tkompli tikber l-ekonomija ta’ pajjiżna, kif bassru aġenziji awtorevoli ta’ kreditu internazzjonali. Għalhekk nerġgħu ntennu li dawn l-inċentivi għandhom iservu biex jinħoloq aktar ġid fil-pajjiż.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport