Thursday, November 27, 2025

“L-2026 se tkun sena li tkompli tikkonsolida” – Dr Charles Mangion, Ċermen tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu

Aqra wkoll

Iċ-Ċermen tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA), Dr Charles Mangion isostni li flimkien ma’ stakeholders u tim għaqli li hemm fl-MTA qed jaraw li l-istrateġija fit-turiżmu qed tevolvi b’mod li tgħaqqad il-kwalità mal-valur, sostenibbiltà mal-tisħiħ u ppjanar fit-tul ma’ realtà ekonomika li qiegħda tkompli tevolvi. Dan il-ġurnal tkellem miegħu dwar ir-riforma li qed issir fit-turiżmu u kemm pajjiżna se jibbenefika minnha.

Dwar ir-riforma fl-akkomodazzjoni turistika, suġġett li qajjem diskussjoni pubblika wiesgħa, Dr Mangion jispjega li hija parti kruċjali mill-Istrateġija tat-Turiżmu 2021–2030 u tintegra wkoll  bl-aktar mod komdu mal-Viżjoni 2050. Ir-riforma mhix każ iżolat jew teknika biss, iżda risposta għall-bżonn li ilu jinħass

“Il-bżonn tar-riforma ilu hemm,” jgħid b’mod ċar. “Kien hemm talba mill-industrija nnifisha biex intejbu l-kwalità u nżommu t-turiżmu sostenibbli. Għalhekk bdejna konsultazzjoni pubblika estensiva. U hawn qed inħeġġeġ lil kulħadd, speċjalment lis-settur privat, biex jibagħtu l-proposti tagħhom. Irridu nirriflettu fuq kollox u nimxu ’l quddiem bil-għaqal.”

“Il-Ministeru tat-Turiżmu mmexxi mid-DPM, Dr Ian Borg, flimkien mal-MTA diġà wrew kif issir riforma għall-aħjar, b’mod gradwat u pożittiv fir-riforma li qed tiġi implimentata fuq Kemmuna. Naħseb illum il-poplu kolluu jaqbel li din ir-riforma se tagħmel ġojjell minn Kemmuna  li t-turiżmu fuq din il-gżira ċkejkna se jkun aktar sostenibbli.”

Dr Mangion jaċċenna li r-riforma mhux se ssir “mil-lum għal għada.” It-tranżizzjoni trid issir b’mod meqjus biex ikun mitigat kemm jista’ jkun l-impatt negattiv tal-qalba. Imma l-bidla trid issir.

“Meta tagħmel bidla, ikun hemm ċertu żmien biex wieħed jaddatta ruħu. Irridu nimitigaw dan bil-mod l-aktar raġunat. Dan huwa proċess li jista’ jkun ta’ sfida, iżda huwa meħtieġ.”

Dan huwa l-approċċ tal-Ministeru u tal-MTA. Imbagħad jiċċara l-kunċett li semma dan l-aħħar dwar il-capping tan-numru ta’ turisti li Malta tista’ takkomoda. 

“Hemm limitu naturali ta’ kemm tiflaħ Malta. Qegħdin naħdmu fuq numri sostenibbli: il-Viżjoni 2050 diġà stabbilixxiet li numru massimu li Malta tista’ tiġġestixxi huwa ta’ 4.5 miljun turist. Kif jaf kulħadd diġà qegħdin qrib dan in-numru. Dak huwa suċċess u l-industrija għandha bżonn in-numri. Issa t-tranżizzjoni trid tkun kif dawk l-istess numri jinxterdu fuq 12-il xahar, u jkunu viżitaturi ta’ valur aktar għoli. Irridu nsibu il-bilanċ bejn sostenibbiltà ekonomika u soċjali  kif ukoll dik ambjentali biex ir-riżorsi li għandna ma ngħabbuhomx iżżejjed . Dan jitlob kollaborazzjoni sħiħa bejn stakeholders u entitajiet governattivi. Nemmen li t-turiżmu huwa ta’ kulħadd u lkoll naqblu li huwa ta’ ġid għal pajjiżna. Mela pjan fit-tul bħall-Viżjoni 2050 huwa essenzjali għax jissorvola l-barrieri tal-konfrontazjoni politika”.

Fl-intervista tiegħu, Dr Mangion jitkellem fuq l-istrateġija li biha l-MTA qed tmexxi lill-pajjiż f’era ġdida.

“Recover, Rethink, Revitalise, dawn huma l-pilastri tagħna sal-2030,” jgħid. “Irkuprajna wara l-pandemija. Issa qegħdin nirriflettu u nerġgħu nagħtu ħajja lill-prodott turistiku tagħna.”

L-attenzjoni qiegħda tiċċaqlaq b’mod ċar mill-volum għall-valur. Qed tiġi attwata strateġija mfassla biex tattira turisti li jfittxu kultura, gastronomija, esperjenzi profondi u konnessjoni mal-komunita lokali. Dan l-approċċ għadu kemm beda jagħti riżultati: iż-żjarat qabżu l-livelli tal-2019 u t-tul medju tal-vjaġġi għalkemm naqas xi ftit, in-nefqa tat- turisti żdiedet b’aktar minn 16 % fuq l-2024.”

Il-konnettività qed tinbidel b’mod sostanzjali. Il-ftuħ tat-titjira diretta New York–Malta huwa meqjus bħala pass storiku fl-istrateġija l-ġdida. “Din mhix biss rotta ġdida,” jgħid Dr Mangion. “Hija opportunità biex Malta tattira turisti ta’ livell għoli, li japprezzaw prodotti tal-ogħla kwalitá u esperjenzi uniċi.”

L-interess minn swieq bħall-Istati Uniti u l-Brażil qed jikber u kampanji mmirati qed jagħtu riżultati interessanti. Il-konnesjoni bl-ajru diġá qiegħda hemm. Hemm ukoll ħidma diplomatika biex jinfetħu rotot ġodda għal-Lvant ’il Bogħod, fosthom il-Ġappun, u ċ-Ċina. B’turisti minn pajjiżi terzi li jkunu ta’ valur għoli għandha l-issue tal-visa temporanja għat-turist li tgħinu mhux biss jidħol Malta imma jkun jista’ jkollu “multi-point holiday”  mhux biss f’ Malta imma wkoll f’pajjiżi oħra Ewropej . Bis-saħħa tal-Qatar, l-Emirates,  u t-Turkish Airlines il-konnettività faċilitata qiegħda hemm.“

Hu jsostni li kulħadd għandu l-gosti tiegħu u għalhekk it-turiżmu hu ferm dinamiku bħala settur. Hemm min ifittex il-ħajja vivaċi ta’ Valletta u Paceville, u oħrajn li jfittxu l-kalma ta’ Għawdex u l-villaġġi sbieħ tagħna; destinazjoni għall-gosti ta’ kulħadd fejn kull min ikun hawn ikollu esperjenza sodisfaċenti. Għalhekk kull qasam tat-turiżmu mill-akkomodazjoni, servizzi gastronomiċi, esperjenzi kulturali jew sportivi, events, niċeċ partikolari, kollha jridu jħarsu lejn kwalitá u servizz ta’ ospitalità mill-aqwa.

Għaddej ukoll xogħol estensiv fuq niċeċ li qed jikbru, bħat-turiżmu reliġjuż, diving, l-esperjenzi tal-ikel u x-xorb, u attivitajiet fiż-żoni rurali, dark history, l-istorja kbira ta’ pajjiżna u niċeċ oħra li jkunu qegħdin jiżviluppaw fl-aspirazzjoni ta’ min ikun irid jivjaġġa. Dan l-aħħar it-turisti diġá ekonomikament stabbiliti u ta’ ċertá etá qegħdin ifittxu  dik li qed tissejjaħ ‘Longevity Luxury’. Il-klima li għandna kif ukoll il-gżejjer ta’ Għawdex u Kemmuna flimkien ma’ żoni urbani f’Malta  jistgħu joffru dik il-vaganza ħolistika fejn l-individwu jinsa l-istress ta’ ħajja mgħaġġla  u jgawdi l-ħin kollu għalih matul il-vaganza tiegħu. Diġá qed naraw ġo pajjiżna min qed jinvesti għal dan is-suq fi spas u health centres ta’ kwalitá eċċellenti u servizzi ta’ akkomodazjoni tal-ogħla livell. Din hija l-versatilitá li trid kontinwament tispira l-industrija turistika u l-kollaborazzjoni ta’ kulħadd..

“Aħna gżira żgħira, iżda b’rieda qawwija li nadattaw,” jgħid. Il-MTA qed tħeġġeġ eko-ċertifikazzjoni, użu effiċjenti tal-enerġija, u kostruzzjoni b’għarfien ambjentali. Biex dan isir b’mod serju, l-Osservatorju tat-Turiżmu qed jiġi msaħħaħ b’data u intelliġenza artifiċjali, għodod essenzjali biex jittieħdu deċiżjonijiet ibbażati fuq evidenza.

Għandna wkoll l-isfidi ta’ skarsezza ta’ nies imħarrġa. L-MTA flimkien mal-ITS qed jirrankaw b’investiment fil-korsijiet u taħriġ permezz tal-ITS u programmi Ewropej. It-Tourism Awards tal-2024 kienu pass importanti biex jiġi rikonoxxut ix-xogħol oriġinali u innovattiv ta’ dawk li qegħdin fuq quddiem nett tal-industrija. L-isfida tal-ħiliet tolqot kull settur ekonomiku u rridu nkomplu nżidu l-isforzi biex nindirizzawha b’mod pożittiv.

Dwar x’hemm quddiemna fl-aħħar kwart ta’ din is-sena u għall-2026, Dr Mangion jidher ottimist iżda prudenti. 

“L-aħħar kwart tal-2025 qed juri sinjali pożittivi ħafna. Qegħdin naraw bookings b’saħħithom, speċjalment mill-Ewropa tat-Tramuntana u swieq ġodda li bdejna nindirizzawhom.”

Il-ħidma fuq dik li l-Ingliżi jsejħulha “flattening of the curve”, it-tixrid tat-turiżmu matul is-sena, qed tagħti r-riżultati tagħha. Id-data turi żieda fin-numru ta’ vjaġġaturi bejn Ottubru u Diċembru, xejra li qabel kienet limitata. 

Għas-sena d-dieħla, il-prospetti huma ta’ tkabbir moderat iżda sostenibbli.

“L-2026 se tkun sena li tkompli tikkonsolida,” jgħid. “Aktar konnettività, aktar valur, u strateġija li qiegħda timxi b’mod sod. Għad hawn sfidi, inkluż ix-xogħol u t-tibdil fil-klima, iżda għandna t-talent u d-determinazzjoni biex inkomplu nimxu ’l quddiem.”

Malta mhux biss qed tibni turiżmu ġdid iżda qed nibnu destinazzjoni, li tkun ambjentalment, soċjalment u ekonomikament sostenibbli, li tiggarantixxi impjiegi tajba, u ġid dejjiemi lill-pajjiż.

Dak kollu li jsir mill-MTA hija ħidma kollettiva tas-CEO, uffiċjali u impjegati  kollha, flimkien ma’ bord tad-diretturi li jagħti appoġġ sħiħ.

Ta’ minn japprezza wkoll il-kollaborazzjoni  ta’ entijaiet li jirrapreżentaw l-akkomodazjoni kollettiva, ir-ristoranti u l-gastronomija u dawk kollha li huma involuti fis-settur.

“Fl-aħħar iżda mhux l-inqas napprezzaw ħafna l-appoġġ tal-Ministeru tat-Turiżmu u l-Ministru responsabbli, id-DPM Dr Ian Borg, kif ukoll il-Gvern kollu mmexxi mill-Prim Ministru, Dr Robert Abela, li jagħtu appoġġ partikolari lil dan is-settur tant  vitali għal pajjiżna.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport