Saturday, December 21, 2024

L-abbużi sesswali fuq tfal minn qassisin… il-Vatikan għandu l-immunità

Aqra wkoll

Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ċaħdet it-talba li saret minn allegati vittmi ta’ abbuż sesswali minn saċerdoti Kattoliċi. Huma talbu li l-Vatikan jinżamm responsabbli għal dawn l-abbużi. Il-Qorti Ewropea imma qalet li l-Vatikan igawdi mill-immunità legali mogħtija lil stati sovrani.

Id-deċiżjoni ġiet hekk kif il-Knisja qed tiffaċċja rapport li ħareġ fi Franza u li sab li attakki sesswali fuq it-tfal minn membi tal-kleru sa  mis-sena 1950 kienu jlaħħqu għall xejn inqas minn 216,000 każ.

Fis-sentenza tagħha l-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem sabet li l-24 allegati vittmi li huma mill-Belġju, l-Olanda u minn Franza ma setgħux jitolbu prosekuzzjoni kontra l-Vatikan u kumpens għal dak li huma kkunsidraw bħala “politika ta ‘skiet” dwar l-abbużi sesswali li huma sofrew.

Il-vittmi oriġinarjament kienu ippreżentaw il-każ tagħhom fil-Belġju iżda din ġiet miċħuda fl-ewwel istanza u anke fl-appell.

Il-vittmi permezz tal-konsulenti legali tagħhom argumentaw li  d-dritt tagħhom għal aċċess għall-Qorti ġie miċħud iżda l-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem iddikjarat li r-rikonoxximent tal-Belġju tas-Santa Sede bħala sovran barrani bl-istess drittijiet u obbligi bħal stat kien stabbilit b’mod konklużiv”.

Irid jingħad li l-Vatikan lanqas mhu membru tal-Kunsill tal-Ewropa u għalhekk mhux soġġett għall-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem. Minkejja dan  tħalla jippreżenta dikjarazzjonijiet bil-miktub fil-każ bħala parti terza.

Dan kien l-ewwel każ fejn qorti ġiet mitluba tikkunsidra l-immunità mogħtija lis-Santa Sede. Irid jingħad li l-Vatikan minn żmien għal żmien jiffaċċja rabja minn madwar id-dinja  minħabba li għal żmien twil naqas milli jwaqqaf l-abbuż sesswali minn saċerdoti li anke irnexxielhom jaħarbu mill-prosekuzzjoni f’għadd kbir ta’ każijiet.

Ekonomija

Sport