F’messaġġ favur il-ħajja u appell biex l-abort ma jkunx legalizzat f’pajjiżna, tabiba lokali spjegat kif filwaqt li taqbel mal-frażi “Ġismi Tiegħi, l-Għażliet Tiegħi” f’ċirkostanzi fejn mara tiġġieled għad-drittijiet tagħha, l-użu ta’ din il-frażi ma jgħoddx fejn jidħol l-abort. Meta xi ħadd jesprimi jew jikteb l-opinjoni tiegħu fuq suġġett jaħraq bħall-abort, ir-reazzjonijiet ikunu ħafna b’żewġ estremitajiet – min huwa favur għall-aħħar u min b’argument wara l-ieħor, huwa totalment kontra.
Dan il-messaġġ ma kienx eċċezzjoni fejn għadd ta’ persuni qablu ma’ dak li qalet din it-tabiba mentri f’kummenti opposti kien hemm ħafna nisa li sostnew li l-abort huwa soġġett għaċ-ċirkostanzi li tkun fihom il-mara. Jissemma’ b’saħħa wkoll il-fatt li hemm nisa “privileġġjati” fil-ħajja menti oħrajn m’humiex u dan b’referenza għall-fatt li hemm nisa li għandhom il-flus biex jagħmlu abort barra minn Malta, mentri oħrajn le.
B’argument li l-ġisem tat-tarbija li qiegħda ġġorr ’mhuwiex l-għażla tiegħi’, din il-pedjatra Maltija saħqet li l-ġlieda tan-nisa tul is-snin kienet kontra d-diskriminazzjoni u l-oppressjoni f’soċjetajiet iddominati mill-irġiel. S’hawn, spjegat din il-mara tqila, il-frażi “ġismi tiegħi, l-għażliet tiegħi” (my body my choice) hija meħtieġa, xierqa u ta’ min jifhimha.
“Hemm limitu li m’għandniex naqbżu fejn nintilef fil-ġlieda għad-drittijiet tiegħi minflok niġġieled għal dak li huwa tajjeb,” sostniet din il-mara. Hija qalet ukoll li għażliet vjolenti qatt m’huma tajbin.
“L-unika ħaġa llegali hija l-abort sigur…”
B’reazzjoni għal dan il-messaġġ ‘pro life’, għadd ta’ nisa semmgħu leħinhom fejn fost l-oħrajn intqal li l-abort, legali jew le, xorta waħda jsir u li kif inhija s-sitwazzjoni bħalissa f’Malta, l-unika ħaġa llegali huwa l-abort sigur li jista’ jirrriżulta biss f’periklu għal dik il-mara li għal xi raġuni jew oħra, ikollha ttemm tqala.
Mara oħra kitbet li l-messaġġ online ta’ din it-tabiba, xi darba se tarah it-tifla li qiegħda tistenna l-istess tabiba meta din ikollha 20 sena. Sostniet li l-bint jista’ jagħti l-każ li jkollha bżonn id-dritt għall-abort u għad tirrealizza li ommha kienet dik li għamlet kampanja biex dan id-dritt ma jkunx legalizzat. Fl-istess messaġġ, b’nota pjuttost sarkastika, jingħad li , “però, din se tkun waħda mill-fortunati li se jkollha aċċess għal vjaġġar biex tagħmel abort. Nittama li dan ma jkunx il-każ fi żmien 20 sena oħra. Ninsab ċerta li mhux se jkun il-każ għax id-dritt tal-abort se jidħol f’Malta fl-10 snin li ġejjin”.
Fuq il-kwistjoni li l-abort huwa meqjus bħala “privileġġ” tal-ftit li għandhom il-flus u jinsabu f’ċirkrostanzi aħjar minn ħafna nisa oħra, mara saħqet li din it-tabiba ”qiegħda f’pożizzjoni ovvja ta’ privileġġ u ma tafx x’tip ta’ sitwazzjonijiet iebsin nisa oħra jsibu ruħhom fihom”.
“Mhuwiex ġust li l-għażla tagħha tkun sfurzata fuq nisa oħra”
Persuni li ma qablux ma’ dak li qalet din it-tabiba qalu li jekk hija ma tridx abort, hija għandha kull dritt li ma tagħmlux iżda, “mhuwiex ġust li l-għażla tagħha tkun sfurzata fuq nisa oħra”. Fl-ilmenti jingħad li meta persuni jkunu ‘pro life’ fil-verità huma ‘pro birth’ (favur it-twelid) u li fil-kwistjoni kollha wieħed irid jikkonsidra fatturi oħra bħal dawk li fihomm nisa jiffaċċjaw periklu għal ħajjithom b’komplikazzjonijiet fit-tqala; oħrajn ibatu bi trobbija waħidhom; irġiel li ma jħallsux manteniment; konsegwenzi ta’ abbuż domestiku li fir-realtà ħafna nisa joqogħdu għalih għax hemm it-tfal; diffikultajiet ta’ xogħol vis a vis flessibbiltà u tkeċċija ta’ nisa tqal; kif ukoll esklussjoni soċjali.
Mil-lat professjonali nisa li huma favur l-abort sigur qalu li l-abort “mhuwiex qtil ta’ tarbija ta’ disa’ xhur u tabib jaf dawn l-affarijiet għax huma bbażati fuq ix-xjenza”. Persuna oħra qalet li jekk nimxu “fuq il-loġika tagħha, hija m’għandhiex dritt li tagħti l-ħajja lil bintha għax teknikament mhiex l-għażla ta’ bintha li se tiġi f’din id-dinja”.
“Kull attivist favur il-ħajja għandu jkun kburi biha”
Din it-tabiba, li hija stess qiegħda ġġorr ħajja ġdida, min-naħa l-oħra ġiet imfaħħra għall-fatt li kellha biżżejjed kuraġġ titkellem pubblikament dwar dan is-suġġett delikat. Kien hemm ukoll min sostna li kull attivist favur il-ħajja “għandu jkun kburi biha”. Hawn naqblu għax is-suġġett jekk l-abort għandux legalizzat jew le f’Malta, huwa wieħed jaħraq u min jitkellem jew jikteb fuqu, sfortunatament mill-ewwel jiġi attakkat jew imfaħħar… dejjem, skont min ikun qiegħed jagħmel reazzjoni.
Kumment li għandu messaġġ tajjeb u se nagħlqu bih huwa dak li f’pajjiżna hemm bżonn ta’ aktar edukazzjoni għal użu wiesgħa, kif ukoll responsabbli ta’ kontraċettivi. Barra mard, dan jista’ jevita l-bżonn li tfajla jew mara tirrikorri għal abort għax jevita tqala mhux ippjanata.
Li huwa żgur huwa li d-diskussjoni għandha ssir fuq livell nazzjonali. L-awtoritajiet lokali jinsabu taħt pressjoni fuq kif inhija preżentament il-liġi tal-abort, jiġifieri dik li huwa llegali. Dan minħabba l-kwistjoni ta’ dik il-koppja barranija li kellhom imorru barra minn Malta biex jagħmlu abort wara li rriżulta li kien riskju għak ħajjet il-mara. Wara dan il-każ kien ġie ppreżentat protest ġudizzjarju min-numru kbir ta’ tobba fejn talbu reviżjoni tal-liġi lokali dwar l-abort. Kien proprju f’’Ġunju li għadda, li d-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne, ordna li ssir din ir-reviżjoni bil-għan li jkun żgurat li din il-liġi mhiex twaqqaf lit-tobba milli jsalvaw il-ħajjiet.